Stampa t-test tal-qari ...


L-Ewwel Ħadd tar-Randan

 

Qari I

Alla jeħles lil Noè mid-dulluvju u jagħmel patt miegħu.

Ġen 9, 8-15

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

Alla kellem lil Noè u lil uliedu miegħu u qalilhom: “Arawni, hawn jien se nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma’ nisilkom warajkom; ma’ kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, mat-tjur u mal-bhejjem, ma’ kull bhima selvaġġa li hemm magħkom, u mal-bhejjem kollha li ħarġu magħkom mill-arka. Jien nagħmel il-patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet tad-dilluvju; u qatt iżjed ma jkun hemm dilluvju biex iħarbat l-art”.

 

U żied jgħid Alla: “Dan ikun is-sinjal tal-patt li jien qiegħed nagħmel bejni u bejnkom, u bejn kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem. Inqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. Meta niġma’ s-sħab fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, jien niftakar fil-patt bejni u bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f’kull laħam; u ma jkunx hemm iżjed l-ilma tad-dilluvju biex jeqred kull laħam ħaj”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 24 (25), 4-5ab.6-7bċ.8-9

 

R/. (10): Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà

 

Triqatek, Mulej, għarrafni,

il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,

għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.

 

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,

għax huma minn dejjem, Mulej.

Inti tajjeb, Mulej;

ftakar fija skont it-tjieba tiegħek. R/.

 

Tajjeb u sewwa l-Mulej;

għalhekk juri triqtu lill-ħatja.

Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,

jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.

 

Qari II

L-ilma tal-magħmudija jsalva lilkom ukoll.

1 Piet 3, 18-22

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

Għeżież, Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu, li bih mar ixandar is-salvazzjoni lill-erwieħ li kienu magħluqa fil-ħabs. Dawn kienu l-erwieħ ta’ dawk li darba ma ridux jisimgħu, meta Alla qagħad jistenna bis-sabar fiż-żmien li Noè kien jibni l-arka. Ftit, jiġifieri tmienja biss, salvaw bis-saħħa tal-ilma. Dan l-ilma huwa tixbiha tal-magħmudija, li issa ssalva lilkom ukoll. Mhux għax tnaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma għax hi talba lil Alla ħierġa minn kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu, li tela’ s-sema u qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla u għandu taħtu s-Setgħat u l-Qawwiet tal-anġli.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 4b

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,

iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Kien imġarrab mix-xitan, u l-anġli kienu jaqduh.

Mk 1, 12-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert. U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli. Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu