Stampa t-test tal-qari ...


L-Ewwel Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Infittxu mela li nidħlu f’dan il-mistrieħ.

Lhud 4, 1-5.11

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, ħa jkollna mela l-biża’ li, waqt li l-wegħda li nidħlu fil-mistrieħ tiegħu għadha hemm, ma jkunx hemm xi ħadd minnkom li jibqa’ lura. Għax aħna wkoll, bħalhom irċevejna l-aħbar tajba. Imma lilhom ma switilhom xejn il-kelma li semgħu, għax meta semgħuha ma emmnux. Aħna, li nemmnu, nidħlu fil-mistrieħ, kif qal hu: “Hekk ħlift fl-għadab tiegħi: Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”.

 

Madankollu l-għemil ta’ Alla kien mitmum fil-ħolqien tad-dinja, kif jingħad x’imkien fl-Iskrittura fuq is-seba’ jum: “Strieħ Alla fis-seba’ jum mix-xogħol kollu tiegħu”. Imbagħad hawn jgħid ukoll: “Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”.

 

Infittxu mela li nidħlu f’dan il-mistrieħ, biex ma jkunx hemm min jaqa’ bħalhom fuq l-eżempju tal-ebusija tagħhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 77 (78), 3 u 4bċ.6ċ-7.8

 

R/. (ara 7ċ): Inxandru l-għemejjel ta’ Alla

 

Dak li smajna u tgħallimna,

dak li qalulna missirijietna,

aħna nxandruh lin-nisel ta’ warajna:

tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu,

u l-għeġubijiet li għamel. R/.

 

Jgħarrfuhom ukoll lil uliedhom,

biex f’Alla jqiegħdu t-tama tagħhom;

ma jinsewx l-għemejjel ta’ Alla,

iżda jħarsu l-kmandamenti tiegħu. R/.

 

Ma jkunux bħal missirijiethom,

nies ta’ ras iebsa li b’xejn ma tisma’,

li qalbhom kienet bla mistrieħ,

u ruħhom lejn Alla infidila. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 7, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Profeta kbir qam fostna,

u Alla żar il-poplu tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art.

Mk 2, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

Wara xi ġranet Ġesù daħal Kafarnahum. In-nies semgħet li kien id-dar u nġabru bosta, hekk li ma kienx hemm fejn joqogħdu iżjed, anqas quddiem il-bieb. U qagħad ixandrilhom il-Kelma. U marru ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, merfugħ minn erbgħa min-nies. Billi ma setgħux jersqu sa ħdejh minħabba l-kotra, qalgħu s-saqaf ta’ fuqu, fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mimdud il-mifluġ. Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: “Ibni, dnubietek maħfura”.

 

Mela kien hemm bilqiegħda xi wħud mill-kittieba, u f’qalbhom bdew jgħidu: “Dan kif qiegħed jitkellem hekk? Dan qiegħed jidgħi! Min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla biss?”. Malli Ġesù ntebaħ fih innifsu x’kienu qegħdin jgħidu bejnhom u bejn ruħhom qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom? X’inhu l-eħfef, tgħid lill-mifluġ: “Dnubietek maħfura”, jew tgħidlu: “Qum u aqbad friexek u imxi?”. Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art”, qal lill-mifluġ: “Qum, aqbad friexek u mur lejn darek”.

 

Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ ’il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu