Stampa t-test tal-qari ...


It-Tieni Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek.

Lhud 7, 1-3.15-17

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, Melkisedek, sultan ta’ Salem u qassis ta’ Alla l-għoli, xħin Abraham kien ġej lura mix-xebgħa li kien ta lis-slaten, ħareġ jiltaqa’ miegħu u bierku; lilu mbagħad Abraham tah sehem minn kollox, bħala għexur.

 

Isem Melkisedek ifisser l-ewwel nett “sultan tal-ġustizzja”, imbagħad “sultan ta’ Salem”, jiġifieri, “sultan tas-sliem”. Hu jidher bla missier, bla omm, bla nisel, qisu la għandu bidu u lanqas tmiem ta’ ħajtu. Imma, biex ikun jixbah lill-Iben ta’ Alla, jibqa’ qassis għal dejjem.

 

Dan jidher wisq aktar ċar fil-każ li l-qassis l-ieħor, li jiġi, ikun jixbah lil Melkisedek, hu li sar qassis mhux b’liġi tan-nisel tal-ġisem, imma bil-qawwa ta’ ħajja li ma tintemmx. Għax għalih tixhed l-Iskrittura: “Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 109 (110), 1.2.3.4

 

R/. (4bċ): Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi:

“Oqgħod fuq leminti,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek

mirfes taħt riġlejk”. R/.

 

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon:

aħkem f’nofs l-għedewwa tiegħek. R/.

 

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa,

sa minn qabel is-sebħ

bħan-nida jien nissiltek. R/.

 

Ħalef il-Mulej,

u ma jisgħobx bih:

“Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek”. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ara Mt 4, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna

u fejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

“X’jiswa li tagħmel nhar ta’ Sibt, issalva ħajja jew toqtolha?”

Mk 3, 1-6

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù 1raġa’ daħal fis-sinagoga, u kien hemm raġel li kellu idu niexfa. U qagħdu jgħassulu jekk ifejqux f’jum is-Sibt, biex ikollhom fuqiex jixluh. Imma hu qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum, ejja fin-nofs”. Imbagħad staqsa lilhom: “X’jiswa li tagħmel nhar ta’ Sibt, ġid jew deni? Issalva ħajja jew toqtolha?”. Iżda huma baqgħu siekta. U xeħet ħarsa qalila madwaru fuqhom, imnikket għall-aħħar minħabba l-ebusija ta’ qalbhom, u qal lir-raġel: “Midd idek!” Dak meddha, u idu reġgħet ġiet f’saħħitha. U l-Fariżej ħarġu; minnufih bdew jiftiehmu mal-Erodjani kontra tiegħu kif jeqirduh.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu