Stampa t-test tal-qari ...


It-Tielet Ħadd tal-Avvent

 

Qari I

Nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej.

Is 61, 1-2a.10-11

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,

għax il-Mulej ikkonsagrani,

biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

bagħatni ndewwi l-qalb miksura;

biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;

biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej.

 

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej,

taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.

Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,

bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,

bħal għarus imżejjen b’kuruna,

bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

 

Bħalma l-art tnibbet,

bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,

hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija,

quddiem kollha kemm huma l-ġnus.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Lq 1,46-48.49-50.53-54

 

R/. (Is 61, 10b): Taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

Iva, minn issa ’l quddiem

kull nisel isejjaħli hienja. R/.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien

fuq dawk li jibżgħu minnu. R/.

 

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,

u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,

għax ftakar fil-ħniena tiegħu. R/.

 

Qari II

Sħaħ bla mittiefsa, sa ma jiġi Sidna Ġesů Kristu.

1 Tess 5, 16-24

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Ħuti, ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesů. Ixxekklux l-Ispirtu, tmaqdrux il-profezija. Ippruvaw kollox: it-tajjeb żommuh, u, fuq kollox, warrbu kull xorta ta’ ħażen.

 

U Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa fl-ispirtu, fir-ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesů Kristu. Fidil hu Alla li sejħilkom, u huwa jagħmel dan.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Is 61, 1

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi:

biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

F’nofskom hemm dak li intom ma tafuhx.

Ġw 1, 6-8.19-28

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.

 

Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din, meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex”, qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tg ħid li int?” U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”.

 

Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” Jiena ngħammed bl-ilma”, weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”.

 

Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu