Stampa t-test tal-qari ...


L-Erbgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Jinżera’ ġisem li jitħassar, iqum ġisem li ma jitħassarx.

1 Kor 15, 35-37.42-49

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, għandu mnejn xi ħadd jgħid: “Kif iqumu l-mejtin? B’liema ġisem jiġu?”. Iblah! Dak li inti tiżra’ ma jkollux ħajja jekk qabel ma jmutx. U meta tiżra’, ma tiżrax dak il-ġisem li għad ikun. Daqsxejn ta’ żerriegħa, tista’ tkun tal-qamħ jew xi żerriegħa oħra. Hekk ukoll hu l-qawmien mill-imwiet; jinżera’ ġisem li jitħassar, iqum ġisem li ma jitħassarx; jinżera’ fl-għajb, iqum fil-ġieħ; jinżera’ fid-dgħufija, iqum fis-saħħa; jinżera’ ġisem naturali, iqum ġisem spiritwali. Jekk hemm ġisem naturali hemm ukoll ġisem spiritwali. L-Iskrittura tgħid: “L-ewwel bniedem, Adam, sar ruħ ħajja”, l-aħħar wieħed sar spirtu li jagħti l-ħajja. Mhux l-ispiritwali ġie l-ewwel, imma l-ewwel in-naturali u mbagħad l-ispiritwali. L-ewwel bniedem, mit-trab, hu tal-art; it-tieni bniedem, mis-sema. Bħalma hu l-bniedem tal-art, hekk ukoll huma l-bnedmin tal-art; bħalma hu l-bniedem tas-sema, hekk ukoll huma l-bnedmin tas-sema. Bħalma aħna mlibbsa x-xbieha tal-bniedem tal-art, hekk ukoll għad nilbsu x-xbieha tal-bniedem tas-sema.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 55 (56), 10.11-12.13-14

 

R/. (ara 14ċ): Nimxi quddiem Alla fid-dawl tal-ħajjin

 

Jerġgħu lura l-għedewwa tiegħi,

meta jiena nsejjaħlek.

Dan jien naf, li Alla hu miegħi. R/.

 

Bl-għajnuna ta’ Alla nfaħħar kelmtu;

bl-għajnuna tal-Mulej infaħħar kelmtu.

F’Alla nittama, m’għandix għax nibża’;

x’jista’ jagħmilli l-bniedem? R/.

 

O Alla, jien marbut bil-wegħdiet tiegħek;

għalhekk irroddlok sagrifiċċji ta’ tifħir.

Għax mill-mewt int ħlistli ’l ħajti

u ’l riġli mill-waqgħa. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Lq 8, 15

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla b’qalb tajba u sinċiera,

jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Iż-żerrigħat li jaqgħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-Kelma u jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.

Lq 8, 4-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, inġemgħet kotra kbira ta’ nies li kienu ġejjin lejn Ġesù minn kull belt, u hu qalilhom din il-parabbola: Wieħed bidwi ħareġ jiżra’ ż-żerriegħa li kellu. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħulu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-għasafar tal-ajru naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Oħrajn waqgħu f’art tajba, u nibtu u għamlu l-frott kull waħda mija”. Kif qal dan, rafa’ leħnu u qal: “Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”

 

Id-dixxipli tiegħu staqsewh x’kienet dik il-parabbola. U hu qalilhom: “Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna ta’ Alla, iżda lill-bqija bil-parabboli, biex iħarsu u ma jarawx, u jisimgħu u ma jifhmux. Il-parabbola, mela, hija din: iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla. Dawk ta’ matul il-mogħdija huma dawk li jisimgħu, imbagħad jiġi x-Xitan u jaħtfilhom il-Kelma minn qalbhom, li ma jmorrux jemmnu u jsalvaw. Dawk ta’ fuq il-blat huma dawk li, meta jisimgħu l-Kelma, jilqgħuha bil-ferħ, iżda billi ma jkollhomx għeruq jemmnu għal ftit taż-żmien, u meta jiġi fuqhom it-tiġrib jitilqu. Dawk li jaqgħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu, iżda aktar ’il quddiem l-inkwiet żejjed u l-għana u l-pjaċiri tal-ħajja joħonquhom u l-frott tagħhom ma jsirx. Imma dawk li jaqgħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-Kelma b’qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu