Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Inqisu ruħna bħala ministri ta’ Alla.

2 Kor 6, 1-10

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, ladarba qegħdin naħdmu flimkien ma’ Alla, aħna mela nħeġġukom biex ma tirċevux il-grazzja tiegħu għal xejn. Għax hu jgħid: “Fiż-żmien it-tajjeb smajtek, f’jum is-salvazzjoni għentek”. Araw, issa hu ż-żmien it-tajjeb; araw, issa hu jum is-salvazzjoni! Aħna xejn ma nagħmlu li jista’ jkun ta’ tfixkil lil xi ħadd, biex il-ministeru tagħna ma jaqax fl-għajb. F’kollox inqisu ruħna bħala ministri ta’ Alla, bis-sabar kollu fit-tiġrib, fit-tbatija, fid-diqa, fis-swat, fil-ħabsijiet, fit-tixwix, fit-taħbit, fis-sahriet bla rqad, fis-sawm; bis-safa tal-qalb, bl-għerf, bis-sabar, bil-ħlewwa, bi spirtu qaddis, bl-imħabba sinċiera, bil-kelma tas-sewwa, bil-qawwa ta’ Alla, bl-armi tal-ġustizzja fuq il-lemin u fuq ix-xellug, fil-ġieħ u fl-għajb, kemm jekk jgħidu l-ħażin u kemm jekk jgħidu t-tajjeb fuqna; iżommuna bħala nies qarrieqa, lilna li ngħidu s-sewwa; bħala nies li ma jafhom ħadd, għad li kulħadd jafna; bħala nies f’xifer il-mewt, għad li aħna ħajjin; bħala nies ikkastigati, għad li m’aħniex mogħtijin għall-mewt; bħala nies imdejqa, għad li dejjem ferħana; bħala nies foqra, għad li nagħmlu għonja lil ħafna; bħala nies li ma għandhom xejn, għad li kollox huwa tagħna!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4

 

R/. (2a): Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

 

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

 

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 118 (119), 105

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek,

u dawl fil-mogħdija tiegħi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux.

Mt 5, 38-42

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Smajtu x’intqal:Għajn b’għajn u sinna b’sinna”. Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu