Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sitt Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Ħa ninżlu u nħabblulhom ilsienhom.

Ġen 11, 1-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

L-art kollha kienet ilsien wieħed u kliem wieħed. Meta l-bnedmin telqu mil-Lvant sabu wita f’art Singħar u baqgħu hemm. U qalu wieħed lil ieħor: “Ejjew nagħmlu l-madum u naħmuh sewwa!”. U l-madum kienu jużawh flok il-ġebel, u l-qatran flok it-tajn. U reġgħu qalu: “Ejjew nibnu belt għalina, u torri, bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet, u nagħmlu isem għalina, ħalli ma nixterdux mal-wiċċ kollu tal-art”.

 

U l-Mulej niżel jara l-belt u t-torri li kienu qegħdin jibnu l-bnedmin. U l-Mulej qal: “Arahom, poplu wieħed u lsien wieħed għalihom ilkoll. U dan għadu l-bidu ta’ xogħolhom; issa kulma jiġihom f’rashom xejn ma jaqtgħalhom qalbhom! Ejja, ħa ninżlu u nħabblulhom ilsienhom, ħalli ma jifhmux ilsien xulxin”.

 

U l-Mulej xerridhom minn hemm għal fuq wiċċ l-art kollha, u waqfu mill-bini tal-belt. Għalhekk bdew isejħulha Babel, għax hemm ħawwad il-Mulej ilsien l-art, u minn hemm xerridhom il-Mulej mal-wiċċ kollu tal-art.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 32 (33), 10-11.12-13.14-15

 

R/. (12b): Hieni l-poplu li hu għażel b’wirtu

 

Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus,

ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.

Imma l-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem,

minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu. R/.

 

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,

il-poplu li hu għażel b’wirtu.

Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,

u jara l-bnedmin kollha. R/.

 

Mill-post fejn jgħammar

jistħarreġ fuq dawk kollha li jgħixu fuq l-art.

Hu jsawwar il-qalb ta’ kull wieħed,

u jagħraf għemilhom kollu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15, 15b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Sejjaħtilkom ħbieb, jgħid il-Mulej,

għaliex kulma smajt mingħand Missieri

jiena għarrafthulkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha.

Mk 8, 34 – 9,1

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha.

 

Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Xi prezz jista’ jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax jekk xi ħadd, minn dan in-nisel żieni u midneb tal-lum, għad jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll għad jistħi minnu meta jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien mal-anġli mqaddsa”.

 

Qalilhom ukoll: “Tassew ngħidilkom, li hawn xi wħud minnkom li qegħdin hawn, li żgur ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw il-wasla tas-Saltna ta’ Alla, mogħnija bil-qawwa”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu