Stampa t-test tal-qari ...


It-Tieni Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

David rebaħ lill-Filisti bi żbandola u b’ċagħqa.

1 Sam 17, 32-33.37.40-51

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

 

F’dak iż-żmien, David qal lil Sawl: “Ħadd ma għandu jaqta’ qalbu minn dan Goljat. Jien, il-qaddej tiegħek, immur niġġieled ma’ dan il-Filisti”.  Sawl wieġeb lil David: “Int ma tistax tmur quddiem dan il-Filisti u tiġġieled miegħu, għax int għadek żagħżugħ, u hu raġel tal-ġlied sa minn żgħożitu”. U David qallu: “Il-Mulej, li ħelisni minn ħalq l-iljun u l-ors, jeħlisni minn id dan il-Filisti”. Wieġeb Sawl: “Mur, u l-Mulej ikun miegħek”.

 

David ħa l-ħatar f’idu, għażel ħames ċagħqiet lixxi mill-wied, u qegħedhom fil-ħorġa ta’ ragħaj li kellu; ħa wkoll l-iżbandola f’idu, u qarreb lejn il-Filisti. Il-Filisti resaq lejn David bil-mod, u raġel bit-tarka quddiemu. Malli lemaħ lil David, stmellu, għax rah żagħżugħ, ruxxan u sabiħ fis-sura tiegħu. U l-Filisti qal lil David: “Xi ħsibtni lili, xi kelb, biex ħriġt għalija bil-ħatar?” U beda jisħet lil David bl-allat tiegħu. U ssokta jgħid lil David: “Ejja lejja, biex nagħti laħmek lit-tjur tassmewwiet u lill-bhejjem tal-art”.

 

David wieġeb lill-Filisti: “Inti ġejt lejja bix-xabla, bil-lanza u bil-vleġġa; iżda jien ġejt għalik b’isem il-Mulej tal-eżerċti, Alla tal-armata ta’ Iżrael, li int sfidajt. Illum stess il-Mulej jagħtik f’idejja, u jien nidorbok, naqtagħlek rasek minn fuqek, ul ġismek u l-iġsma tal-armata tal-Filistin nagħtihom illum stess lit-tjur tas-smewwiet u lill-bhejjem tal-art. U kulħadd isir jaf li hemm Alla f’Iżrael. U din il-kotra tagħraf illi l-Mulej ma jsalvax bix-xabla jew bil-lanza; għax il-gwerra f’idejn il-Mulej, u llum se jitlaqkom f’idejna”.

 

Il-Filisti qam u resaq lejn David; malli dan, David mar jgħaġġel fil-post tal-ġlied jiltaqa’ mal-Filisti. Daħħal idu fil-ħorġa, ħa minnha ċagħqa, waddabha bl-iżbandola, u laqat il-Filisti fi ġbinu: iċ-ċagħqa daħlet fi ġbinu u hu waqa’ għal wiċċu fl-art. Hekk David rebaħ lill-Filisti bi żbandola u b’ċagħqa; laqtu u qatlu, bla xabla f’idu. David qabeż fuq il-Filisti, u waqaf fuqu, ħadlu x-xabla mill-għant, qatlu u qatagħlu rasu biha. Malli l-Filistin raw li miet il-bniedem kampjun tagħhom, ħarbu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 143 (144), 1.2.9-10

 

R/. (1a): Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi

 

Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi,

li jħarriġli idejja għat-taqbida

u subgħajja għat-taqtigħa. R/.

 

Tieba tiegħi u qawwa tiegħi,

kenn tiegħi u ħellies tiegħi,

tarka tiegħi, fih jien nistkenn;

hu li jrażżan il-popli taħti. R/.

 

O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek,

fuq arpa ta’ għaxar kordi ngħannihielek.

Int li tagħti r-rebħa lis-slaten,

li teħles lil David, il-qaddej tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ara Mt 4, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna

u fejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

X’jiswa li tagħmel nhar ta’ Sibt, issalva ħajja jew toqtolha?”

Mk 3, 1-6

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù 1raġa’ daħal fis-sinagoga, u kien hemm raġel li kellu idu niexfa. U qagħdu jgħassulu jekk ifejqux f’jum is-Sibt, biex ikollhom fuqiex jixluh. Imma hu qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum, ejja fin-nofs”. Imbagħad staqsa lilhom: “X’jiswa li tagħmel nhar ta’ Sibt, ġid jew deni? Issalva ħajja jew toqtolha?”. Iżda huma baqgħu siekta. U xeħet ħarsa qalila madwaru fuqhom, imnikket għall-aħħar minħabba l-ebusija ta’ qalbhom, u qal lir-raġel: “Midd idek!” Dak meddha, u idu reġgħet ġiet f’saħħitha. U l-Fariżej ħarġu; minnufih bdew jiftiehmu mal-Erodjani kontra tiegħu kif jeqirduh.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu