Stampa t-test tal-qari ...


It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

L-għerf hu raġġ tad-dawl ta’ dejjem, mera bla tebgħa tas-setgħa ħaddiema ta’ Alla.

Għerf 7, 22 – 8,1

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

 

Fl-għerf hemm spirtu intelliġenti, qaddis,

waħdieni, ta’ ħafna għamliet, fin, u attiv;

jinfed fil-fond, u tebgħa m’hemmx fih;

ċar u ebda ħsara ma tista’ għalih; iħobb il-ġid u misnun sewwa;

xejn ma jżommu u l-ġid jagħmel; iħobb il-bniedem,

sod u żgur bla inkwiet;

kollox jista’ u fuq kollox jgħasses,

u fl-erwieħ kollha jidħol,

imqar f’dawk intelliġenti, safja u fini sewwa.

Għax l-għerf jitħarrek aktar minn kull ħaġ’oħra li titħarrek;

minħabba s-safa tiegħu jidħol f’kollox u jinfirex ma’ kullimkien.

Hu bħal daħna ħafifa tas-setgħa ta’ Alla,

nixxiegħa safja tal-glorja ta’ Dak li jista’ kollox;

għalhekk xejn imdennes ma jidħol fih.

Hu raġġ tad-dawl ta’ dejjem,

mera bla tebgħa tas-setgħa ħaddiema ta’ Alla,

u xbieha tat-tieba tiegħu.

Għalkemm hu waħdu, kollox jista’,

jibqa’ dak li hu fih innifsu, u jġedded kollox;

minn żmien għal żmien jidħol f’erwieħ qaddisa,

u jagħmilhom ħbieb ta’ Alla u profeti.

Xejn ma jħobb Alla, jekk mhux dak li jgħix mal-għerf.

Għax l-għerf jiddi aktar mix-xemx,

u aqwa minn kull ġemgħa ta’ kwiekeb,

mxebbah mad-dawl, hu isbaħ minnu.

Wara dawl il-jum jiġi dlam il-lejl;

imma l-għerf l-ebda ħażen ma jista’ għalih.

 

Jinfirex minn tarf sa tarf tal-art bil-qawwa,

u jmexxi kollox bil-ħlewwa.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 118 (119), 89.90.91.130.135.175

 

R/. (89a): Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek

 

Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek;

hi mwaqqfa fis-sod fis-smewwiet.

Minn nisel għal nisel il-fedeltà tiegħek;

fuq l-art waqqaftha, u żammet fis-sod. R/.

 

B’digriet tiegħek għadhom sħaħ sal-lum;

għax kollox hu għall-qadi tiegħek.

It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl,

ifiehem lil min ma jafx. R/.

 

Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek,

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

Ħa nibqa’ ħaj, biex infaħħrek!

Ikunu d-digrieti tiegħek l-għajnuna tiegħi! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15, 5

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena d-dielja, intom il-friegħi, jgħid il-Mulej;

min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda.

Lq 17, 20-25

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, il-Fariżej staqsew lil Ġesù meta kienet se tiġi s-Saltna ta’ Alla, u hu weġibhom: “Is-Saltna ta’ Alla ma tiġix b’sinjali li jidhru; lanqas ħadd ma hu se jgħid: “Arawha, hawn”, jew: “Hemm”, għax araw, is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda!”.

 

Lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Għad jiġi żmien meta tkunu tixtiequ taraw jum wieħed minn żmien Bin il-bniedem u ma tarawhx. U jgħidulkom: “Arawh, hawn hu”, jew: “Arawh, hemm hu!” Tmorrux, tiġrux warajhom. Għax bħalma berqa tleħħ u tiddi minn tarf għal ieħor tas-sema, hekk jidher Bin il-bniedem nhar il-Jum tiegħu. Iżda qabel xejn hu għandu jbati ħafna minn dan in-nisel u jkun miċħud minnu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu