Stampa t-test tal-qari ...


It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Bi Kristu aħna rċevejna l-grazzja tal-appostolat biex inwasslu għall-ubbidjenza tal-fidi l-bnedmin fost il-ġnus kollha.

Rum 1, 1-7

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Pawlu, qaddej ta’ Kristu Ġesù, imsejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta’ Alla. Dan hu l-Evanġelju li Alla kien wiegħed permezz tal-profeti fil-Kotba Mqaddsa dwar Ibnu Ġesù Kristu Sidna li, skont it-tnissil tal-ġisem, twieled min-nisel ta’ David, u, skont l-Ispirtu s-Santu, ġie rivelat bħala l-Iben ta’ Alla b’kull qawwa permezz tal-qawmien mill-imwiet. Bih aħna rċevejna l-grazzja tal-appostolat biex inwasslu għall-ubbidjenza tal-fidi l-bnedmin fost il-ġnus kollha għall-ġieħ ta’ ismu. Fosthom tinsabu intom ukoll, imsejħin biex tkunu ta’ Ġesù Kristu; lill-maħbubin kollha ta’ Alla li jinsabu Ruma msejħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4

 

R/. (2a): Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

 

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

 

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Salm 94 (95) 8ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Illum la twebbsux qalbkom,

iżda isimgħu leħen il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ebda sinjal ma jingħata lil dan in-nisel ħlief is-sinjal ta’ Ġona.

Lq 11, 29-32

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: “Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta’ Ġona. Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta’ Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel. F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-Nofsinhar għad tqum man-nies ta’ dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf tal-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun!

 

F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu ma’ dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu