Stampa t-test tal-qari ...


L-Erbgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Jekk Kristu ma qamx mill-imwiet fiergħa hi l-fidi tagħkom.

1 Kor 15, 12-20

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, jekk Kristu hu mxandar li qam mill-imwiet, kif jgħidu xi wħud minnkom li ma hemmx qawmien tal-mejtin? Jekk ma hemmx qawmien tal-mejtin, anqas Kristu ma qam mill-imwiet! Imma jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom.

 

U aħna noħorġu wkoll ta’ xhieda foloz ta’ Alla, għaliex inkunu tajna xhieda kontra Alla li huwa qajjem lil Kristu mill-imwiet, filwaqt li ma jkun qajmu xejn, jekk hu tassew li l-mejtin ma jqumux. Għax jekk il-mejtin ma jqumux, anqas Kristu ma kien imqajjem. U jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom. U mitlufa wkoll huma dawk li raqdu fi Kristu. Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost kemm huma l-bnedmin. Imma Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 16 (17), 1.6-7.8b u 15

 

R/. (15b): Nithennew, Mulej, bid-dehra tiegħek

 

Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,

ilqa’ l-għajta tiegħi,

agħti widen għat-talb tiegħi;

bla qerq huma xufftejja. R/.

 

Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla;

ressaq widintek lejja, isma’ kliemi.

Uri t-tieba tiegħek tal-għaġeb;

int li teħles mill-għedewwa lil min jittama fil-leminija tiegħek. R/.

 

Bħal ħabba tal-għajn ħarisni,

għad-dell ta’ ġwenħajk kenninni

Imma jien, fil-ħaqq, għad nara ’l wiċċek;

meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 11, 25

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kellu miegħu t-Tnax u xi nisa li kienu jaqduhom minn ġidhom.

Lq 8, 1-3

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jipprietka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla. Kellu miegħu t-Tnax u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta’ Magdala, li minnha kienu ħarġu seba’ xjaten, Ġwanna, mart Ħuża, prokuratur ta’ Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom minn ġidhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu