Stampa t-test tal-qari ...


16 ta’ Lulju

L-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu

Tifkira Obbligatorja

 

Qari I

Slat 18: 42b-45a

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

Elija tela’ fuq il-quċċata tal-Karmel, inxteħet fl-art, u qiegħed wiċċu bejn irkopptejh. U qal lill-qaddej tiegħu: “Itla’ u ħares lejn in-naħa tal-baħar”. Dak tela’, ħares, u qal: “Ma hemm xejn”. Qallu: “Erġa’ mur seba’ darbiet”. Mas-seba’ darba qabad jgħajjat: “Ara, hemm sħaba daqs keffa ta’ id ta’ raġel, tielgħa mill-baħar”. Qallu Elija: “Mur għidlu lil Aħab: ‘Arma ż-żwiemel u inżel, qabel ma tilħqek ix-xita”. Malli dan, is-sema swied, qam ir-riħ, u bdiet nieżla xita kbira.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 14

 

R/.: Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija!

 

Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?

Min joqgħod fuq il-għolja mqaddsa tiegħek? R/.

 

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,

min jgħid is-sewwa f’qalbu;

min ma jqassax bi lsienu,

ma jagħmilx deni lil ġaru,

u ma jgħajjarx lil għajru. R/.

 

Min ma jqisx lill-bniedem il-ħażin,

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 11:28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġw 19:25-27 (jew jista’ jinqara Mt 12:46-50)

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien: Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hemm hu ibnek.”

 

Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hemm hi ommok”. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu