Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħames Ġimgħa tal-Għid

It-Tlieta

 

Qari I

Qagħdu jgħarrfu lill-Knisja b’dak kollu li Alla għamel magħhom.

Atti 14, 19-28

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, waslu f’Listra xi Lhud minn Antjokja u minn Ikonju, li rnexxielhom idawru n-nies għal magħhom. Qabdu jħaġġru lil Pawlu u kaxkruh ’il barra mill-belt, għax ħasbuh mejjet. Imma xi dixxipli daru miegħu, u hu qam fuq riġlejh u daħal il-belt. L-għada telaq ma’ Barnaba u mar Derbi. Huma xandru l-Evanġelju f’dik il-belt u għamlu ħafna dixxipli. Fi triqthom lura, għaddew minn Listra, Ikonju u Antjokja, jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-fidi, “għaliex, kif kienu jgħidulhom, jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla”. Għamlulhom ukoll presbiteri f’kull Knisja, u bit-talb u s-sawm ħallewhom f’idejn il-Mulej, li fih kienu emmnu. Imbagħad għaddew minn Pisidja u ġew fil-Pamfilja. Wara li xandru l-kelma f’Perġe, niżlu Attalija; minn hemm marru bil-baħar lejn Antjokja, mnejn kienu bagħtuhom u rrikkmandawhom f’idejn il-grazzja ta’ Alla għax-xogħol li temmew.

 

Meta waslu, laqqgħu l-membri tal-Knisja u qagħdu jgħarrfuhom b’dak kollu li Alla għamel magħhom, u wrewhom kif fetaħ il-bieb tal-fidi għall-pagani. Hemm qagħdu għal ftit żmien sewwa mad-dixxipli.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 144 (145), 10-11.12-13ab.21

 

R/. (ara 12a): Il-ħbieb tiegħek, Mulej, huma s-sebħ tas-saltna tiegħek

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

 

Biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek. R/.

 

Tifħir il-Mulej ixandar fommi;

u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu

għal dejjem ta’ dejjem! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Lq 24, 46.26

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet,

u hekk jidħol fil-glorja tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Nagħtikom is-sliem tiegħi.

Ġw 14, 27-31a

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesů qal lid-dixxipli tiegħu: Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: “Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom”. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu. M’iniex se nkellimkom iżjed fit-tul, għax il-Prinċep tad-dinja ġej. Kontra tiegħi xejn ma jista’ jagħmel; iżda ħalli d-dinja tagħraf li jiena nħobb lill-Missier u li nagħmel kif ordnali l-Missier”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu