Stampa t-test tal-qari ...


L-Ewwel Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Ġesù kellu jkun jixbah lil ħutu f’kollox, biex ikun ħanin.

Lhud 2, 14-18

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, billi l-ulied għandhom l-istess demm u ġisem, Ġesù wkoll bl-istess mod sar bħalhom, biex b’mewtu jeqred is-setgħa ta’ dak li kellu l-mewt f’idejh, jiġifieri x-Xitan, u jeħles ’il dawk kollha li, minħabba fil-biża’ tal-mewt, kienu mjassrin għal għomorhom kollu.

 

Għax tabilħaqq, mhux lill-anġli jrid jgħin, imma lil ulied Abraham. Għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu f’kollox, biex ikun il-qassis il-kbir, ħanin u fidil f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, u biex ipatti għal dnubiet il-poplu. Għax, billi hu stess bata u kien imġarrab, jaf jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 104 (105), 1-2.3-4.6-7.8-9

 

R/. (8a): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu

 

Faħħru l-Mulej u xandru ismu,

għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.

Għannulu u doqqulu,

xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha. R/.

 

Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;

tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.

Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,

fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu. R/.

 

Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,

ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,

Jaħweh hu Alla tagħna!

Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu! R/.

 

Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,

fil-kelma li ta għal elf nisel,

fil-patt li għamel ma’ Abraham,

fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard.

Mk 1, 29-39

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù ħareġ mis-sinagoga u baqa’ sejjer ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha. Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom. Filgħaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.

 

L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik”. U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nipprietka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt”.

 

U dar il-Galilija kollha, jipprietka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten.

 

Il-Kelma ta-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu