Stampa t-test tal-qari ...


It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Il-bnedmin għad li lil Alla għarfuh, ma tawhx ġieħ ta’ Alla li hu.

Rum 1, 16-25

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Għeżież, jiena ma nistħix mill-Evanġelju; għax l-Evanġelju hu qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi, u fih tidher il-ġustizzja ta’ Alla minn fidi għal fidi, skont ma hemm miktub: “Il-ġust jgħix bil-fidi”.

 

Il-korla ta’ Alla tidher nieżla mis-sema fuq il-ħażen u l-inġustizzja tal-bnedmin li jżommu l-verità mjassra bl-inġustizzja; għax dak li wieħed jista’ jagħraf minn Alla kien, iva, irrivelat lilhom; Alla stess urihulhom. Il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu ta’ dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq, u għalhekk ma għandhom ebda skuża.

 

Imma għad li lil Alla għarfuh, huma la tawh ġieħ ta’ Alla li hu, u lanqas raddewlu ħajr; għall-kuntrarju, moħħhom intilef fil-bluha, u qalbhom bla dehen iddallmet; waqt li riedu jagħmluha ta’ għorrief, bliehu u bidlu l-glorja ta’ dak Alla li ma jintemmx ma’ sura u xbieha tal-bniedem li jintemm, tal-għasafar, tal-bhejjem b’erba’ saqajn, tas-sriep.

 

U għalhekk Alla rħiehom għall-ġibdiet ħżiena ta’ qalbhom, biex niġġsu u waqqgħu fl-għajb lil ġisimhom stess bejniethom. Il-verità ta’ Alla bidluha ma’ gidba, u taw il-ġieħ u l-qima tagħhom lill-ħlejjaq flok ma tawhom lill-Ħallieq, li jkun imbierek għal dejjem. Ammen.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 18 (19), 2-3.4-5

 

R/. (2a): Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla

 

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla,

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lil ieħor jagħti l-aħbar,

lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif. R/.

 

Ma hemmx aħbar u anqas kliem,

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Mal-art kollha jasal leħenhom,

mad-dinja kollha jixtered kliemhom. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lhud 4, 12

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija;

tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, u taraw kif kollox ikunilkom nadif.

Luqa 11, 37-41

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien qed jitkellem, wieħed Fariżew stiednu għandu għall-ikel. Daħal għandu u qagħad bilqiegħda. Imma l-Fariżew stagħġeb meta ra li qabel xejn ma nħasilx skont ir-riti ta’ qabel l-ikel.

 

U l-Mulej qallu: “U issa intom il-Fariżej! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, iżda minn ġewwa intom mimlija bis-serq u l-ħażen. Kemm intom bla moħħ! Min għamel in-naħa ta’ barra, ma għamilx ukoll in-naħa ta’ ġewwa? Mela agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, u taraw kif kollox ikunilkom nadif”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu