Stampa t-test tal-qari ...


It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Alla għamel lil Kristu Ras fuq il-Knisja kollha, li hi Ġismu.

Efes 1, 15-23

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti, jien li smajt bil-fidi tagħkom fil-Mulej Ġesù u bl-imħabba tagħkom lejn il-qaddisin kollha, ma nixba’ qatt niżżi ħajr minħabba fikom meta niftakar fikom fit-talb tiegħi. Ħalli Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf li jirrivelahielkom biex tagħrfuha sewwa; u jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom; x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu mal-qaddisin. Tagħrfu x’inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa tiegħu fina li emminna,

skont il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu,

li ħaddem fi Kristu,

meta qajmu mill-imwiet

u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet,

’il fuq minn kull Saltna u Setgħa,

minn kull Qawwa u Ħakma,

il fuq minn kull isem li jissemma,

mhux biss għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għal li ġej.

Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh,

u għamlu Ras fuq il-Knisja kollha,

li hi Ġismu,

il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 8, 2-3a.4-5.6-7

 

R/. (7): Qegħedt lil Ibnek fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk

 

Mulej, Sid tagħna,

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Int qegħedt is-sebħ tiegħek ‘il fuq mis-smewwiet.

Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib. R/.

 

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk,

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih,

bin il-bniedem, biex taħseb fih? R/.

 

Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,

qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk!

Kollox taħt riġlejh qegħedtlu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 15, 26b.27a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

L-Ispirtu tal-verità jixhed għalija, jgħid il-Mulej,

u intom ukoll tixhdu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x’għandkom tgħidu.

Lq 12, 8-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Ngħidilkom li kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, Bin il-bniedem ukoll jistqarr li huwa miegħu quddiem l-anġli ta’ Alla. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien niċħad lilu quddiem l-anġli ta’ Alla. U kull min jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jinħafirlux. Meta jeħdukom quddiem is-sinagogi u l-kapijiet u s-setgħat, toqogħdux tħabblu raskom kif sejrin twieġbu jew x’sejrin tgħidu, għax l-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x’għandkom tgħidu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu