Stampa t-test tal-qari ...


15 ta’ Settembru

Il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri

Tifkira (O)

 

Qari I

Rumani 8:31b-39

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti: Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra tagħna? Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? Min sa jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min sa jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina.

 

Min sa jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? Bħalma hu miktub: “Minħabba fik il-jum kollu jikkundannawna għall-mewt, igħodduna bħala ngħaġ għall-qatla.” Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien ta’ issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħilqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla għalina li deheret fi Kristu Ġesù Sidna.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 17

 

R/. Fil-hemm tiegħi l-Mulej sejjaħt!

 

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi.

l-Mulej blata tiegħi, fortizza u ħellies tiegħi,

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi,

u tarka tiegħi, qawwa ta’ salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi. R/.

 

Imwieġ tal-mewt ħakmuni,

widien tal-biża’ werwruni,

ħbula tal-imwieġ dawruni,

xbiek tal-mewt imqaleb fuqi. R/.

 

Fil-hemm tiegħi l-Mulej sejjaħt

tlabt l-għajnuna ’l Alla tiegħi;

hu sema’ leħni mit-tempju tiegħu,

f’widnejh waslet l-għajta tiegħi. R/.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Ġw 11:25a.26

 

Hallelujah. Hallelujah.

Il-Verġni mqaddsa Marija

Sultana tas-sema u Sidt id-dinja,

kienet wieqfa imbikkija ħdejn s-salib ta’ Sidna Ġesù.

Hallelujah.

 

Evanġelju

Ġw 19:25-27

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù, ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hemm hu ibnek”. Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hemm hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.