Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħmistax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi.

Għamos 7, 12-15

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos

 

F’dak iż-żmien, Amasija, qassis ta’ Betel, qal lil Għamos: “Mur, bniedem veġġenti, itlaq lejn l-art ta’ Ġuda, u ħobżok kulu hemm, u ħabbar hemm; u tkomplix iżjed tħabbar ġo Betel, għaliex Betel santwarju tas-sultan, it-tempju tas-saltna”.

 

Wieġeb imbagħad Għamos u qal lil Amasija:

“Jien m’iniex profeta,

lanqas bin profeta;

jiena biss ragħaj u niżbor il-ġummajż.

Iżda l-Mulej qabadni minn wara l-merħla,

u l-Mulej qalli: Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi, Iżrael”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 84 (85), 9ab-10. 11-12. 13-14

 

R/. (8): Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,

u s-salvazzjoni tiegħek agħtina

 

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;

il-Mulej is-sliem ixandar.

Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu

għal dawk li jibżgħu minnu,

biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.

 

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,

il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet,

u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi,

u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

 

Qari II

Għażilna fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja.

Efes 1, 3-14

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu,

li berikna b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja,

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba.

 

Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi

permezz ta’ Ġesù Kristu;

hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu,

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu,

li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

 

Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu,

il-maħfra tad-dnubiet,

skont l-għana tal-grazzja tiegħu.

 

Biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu.

Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu;

il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel,

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;

jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu,

kulma hu fis-sema u kulma hu fl-art.

 

Fih aħna wkoll konna magħżula,

iddestinati minn qabel, skont il-pjan imfassal

minn qabel minn min imexxi kollox skont il-fehma tar-rieda tiegħu,

sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu,

aħna, li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu.

 

U fih intom ukoll smajtu l-Kelma tal-Verità,

l-Evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom, u emmintu fiha.

Kontu ssiġillati bl-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed;

li hu r-rahan tal-wirt tagħna

sakemm għadna nistennew il-fidwa sħiħa

tal-Poplu li Alla kiseb għalih, għat-tifħir tal-glorja tiegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Jew il-forma l-qasira

 

Qari II

Għażilna fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja.

Efes 1, 3-10

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu,

li berikna b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja,

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi

permezz ta’ Ġesù Kristu;

hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu,

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu,

li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu,

il-maħfra tad-dnubiet,

skont l-għana tal-grazzja tiegħu.

Biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu.

Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu;

il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel,

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;

jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu,

kulma hu fis-sema u kulma hu fl-art.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Efes 1, 17-18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu

idawwal l-għajnejn ta’ qalbna

biex nagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-missjoni tal-appostli.

Mk 6, 7-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi.

 

Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom”.

 

Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu