Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Issiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.

Ġen 3, 1-8

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

Is-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi kollha, li kien għamel il-Mulej Alla. U qal lill-mara: “Tassew li Alla qalilkom: “La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?”.

 

U l-mara wieġbet lis-serp: “Mill-frott tas-siġar fil-ġnien nistgħu nieklu. Imma mill-frott li hemm f’nofs il-ġnien, Alla qalilna: ‘La tiklux minnu, u lanqas ma għandkom tmissuh, inkella tmutu’”.

 

U s-serp qal lill-mara: “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu jinfetħu

għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin”.

 

U l-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajrek biex tikseb id-dehen; u ħadet mill-frott u kielet. Imbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u kiel. U nfetħu għajnejhom it-tnejn u ntebħu li kienu għerja, u ħietu weraq tat-tin, u għamlu iħżma.

 

U semgħu ħoss il-Mulej Alla jitlajja fil-ġnien għaż-żiffa tal-jum, u nħbew Adam u martu minn wiċċ il-Mulej Alla qalb is-siġar tal-ġnien.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 31 (32), 1-2.5.6.7

 

R/. (1a): Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura

 

Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,

li għandu d-dnub tiegħu mistur!

Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,

u ma għandu ebda qerq f’qalbu! R/.

 

Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,

u l-ħażen tiegħi ma ħbejthulekx.

Jien għedt: “Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti”.

U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi. R/.

 

Għalhekk kull min hu twajjeb

lilek jitlob fi żmien in-niket.

Jekk ifuru ilmijiet kotrana,

lilu qatt ma jilħquh. R/.

 

Int kenn għalija, mit-taħbit tħarisni,

iddawwarni u tferraħni

bil-ħelsien tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Atti 16, 14b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iftħilna qalbna Mulej,

biex nifhmu l-kelma ta’ Ibnek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin.

Mk 7, 31-37

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli. U ġabulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu. Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. Imbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: “Effata” jiġifieri: “Infetaħ!”. U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu u qabad jitkellem sewwa.

 

Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh. U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu