Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sitt Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Wiċċ l-art kien nixef.

Ġen 8, 6-13.20-22

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

Wara erbgħin jum, Noè fetaħ it-tieqa tal-arka li kien għamel. U telaq iċ-ċawlun, u dan ħareġ u baqa’ ġej u sejjer sakemm nixef l-ilma minn fuq l-art. U Noè bagħat il-ħamiema minn ħdejh biex jara jekk naqasx l-ilma minn fuq wiċċ l-art. U l-ħamiema ma sabitx fejn isserraħ qiegħ riġilha, u reġgħet lura għal għandu fl-arka, għax l-ilma kien għadu fuq wiċċ l-art kollha. U Noè ħareġ idu u qabadha u daħħalha miegħu fl-arka.

 

U stenna sebat ijiem oħra u reġa’ bagħat il-ħamiema mill-arka. U l-ħamiema reġgħet lura fil-għaxija b’werqa friska taż-żebbuġ f’munqarha. U Noè ntebaħ li l-ilmijiet kienu naqsu minn fuq wiċċ l-art. U stenna sebat ijiem oħra, u bagħat il-ħamiema, u din ma reġgħetx lura iżjed għandu. Fis-sena sitt mija u wieħed, fl-ewwel xahar, fl-ewwel jum tax-xahar, nixef għalkollox l-ilma minn fuq wiċċ l-art. U Noè bexxaq l-għatu tal-arka, u ħares, u ra li wiċċ l-art kien nixef. U Noè bena artal lill-Mulej , u ħa minn kull annimal safi u mit-tajr safi, u offra sagrifiċċju tal-ħruq fuq l-artal. U l-Mulej xamm ir-riħa ħelwa u għoġbitu; u l-Mulej qal f’qalbu: “Ma nerġax iżjed nisħet l-art minħabba l-bniedem, għax qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu, u ma nerġax iżjed naħbat għall-ħlejjaq ħajjin kollha bħalma għamilt. Sakemm iddum l-art, żrigħ u ħsad, bard u għomma, sajf u xitwa, lejl u nhar, ma jonqsu qatt”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 115 (116), 12-13.14-15.18-19

 

R/. (17a): Lilek, Mulej, noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr

 

Xi rrodd lill-Mulej

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,

u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

Għażiża f’għajnejn il-Mulej

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu. R/.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta’ dar il-Mulej,

ġo nofsok, Ġerusalemm. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Efes 1, 17-18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu,

idawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom

biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

L-agħma kien imfejjaq, hekk li sar jara kollox tajjeb mill-bogħod ukoll.

Mk 8, 22-26

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli waslu Betsajda, u ħadulu quddiemu raġel agħma u talbuh imissu. Qabad l-agħma minn idu u ħadu barra mir-raħal, beżaqlu f’għajnejh, qiegħed idejh fuqu u staqsieh: “Qiegħed tara xi ħaġa?”. Dak ħares ’il fuq u qal: “Qiegħed nara n-nies, imma qiegħed narahom donnhom siġar mexjin”. Imbagħad raġa’ qegħedlu jdejh fuq għajnejh, u beda jara ċar: u kien imfejjaq, hekk li sar jara kollox tajjeb mill-bogħod ukoll. Bagħtu lura lejn daru, u qallu: “Qis li ma tgħid xejn meta tmur ir-raħal”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu