Stampa t-test tal-qari ...

It-Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Intbaħt li l-għana m’hu xejn ħdejn il-għerf.

Għerf 7, 7-11

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

Jien tlabt u qlajt l-għaqal;

sejjaħt, u ġie fuqi l-ispirtu tal-għerf.

Dan l-għerf qistu aqwa minn kull xettru u tron,

u ntbaħt li l-għana mhu xejn ħdejh.

Ma xebbahtx miegħu l-ħaġra l-aktar prezzjuża,

għax id-deheb kollu ħdejh mhuwiex ħlief ftit ramel,

u l-fidda quddiemu qisha ftit tajn.

Aktar mis-saħħa u s-sbuħija ħabbejtu,

u għoġobni aktar mid-dawl;

għax id-dija tiegħu ma tgħib qatt.

Mal-għerf ġieni l-ġid kollu,

u miegħu ġiebli għana bla qjies.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 89 (90), 12-13.14-15.16-17

R/. (14): Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej

Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,

sabiex aħna nimxu bil-għaqal.

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?

Ħenn għall-qaddejja tiegħek. R/.

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ferraħna daqskemm għakkistna,

għas-snin li fihom rajna l-ħsara. R/.

Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek,

u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!

Wettqilna inti x-xogħol ta’ idejna,

wettaq, iva, xogħol idejna. R/.

Qari II

Il-Kelma ta’ Alla tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.

Lhud 4, 12-13

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb. Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mat 5, 3

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Mur, bigħ li għandek, u ejja u imxi warajja.

Mk 10, 17-30

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”.

Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”.

U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!” Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Mela min jista’ jsalva?” Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.

Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”. Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Jew il-forma l-qasira

Evanġelju

Mur, bigħ li għandek, u ejja u imxi warajja.

Mk 10, 17-27

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”.