Stampa t-test tal-qari ...


L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Dak li qajjem lill-Mulej Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma’ Ġesù u jressaqna quddiemu flimkien magħkom.

2 Kor 4, 7-15

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, aħna għandna t-teżor f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna. Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin; imħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin mal-art, iżda m’aħniex meqrudin. F’ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta’ Ġesù, biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù. Għax aħna, għad li qegħdin ngħixu, ninsabu dejjem mogħtija għall-mewt minħabba f’Ġesù biex il-ħajja ta’ Ġesù wkoll tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut. U b’hekk fina taħdem il-mewt, imma fikom taħdem il-ħajja.

 

Imma billi aħna għandna l-istess spirtu ta’ fidi li fuqu hemm miktub: “Emmint, u għalhekk tkellimt”, aħna wkoll emminna, u għalhekk tkellimna; għax nafu li dak li qajjem lill-Mulej Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma’ Ġesù u jressaqna quddiemu flimkien magħkom. Għax dan kollu minħabba fikom, biex il-grazzja tilħaq ħafna bnedmin oħra, u b’hekk jitkattar ir-radd ta’ ħajr, għall-glorja ta’ Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 115 (116), 10-11.15-16.17-18

 

R/. (17a): Lilek noffri Mulej, sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr

 

Bqajt nemmen, imqar meta għedt:

“Jiena mdejjaq ħafna”.

Jien għedt fin-niket tiegħi:

“Qarrieq hu kull bniedem”. R/.

 

Għażiża f’għajnejn il-Mulej

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi. R/.

 

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,

u isem il-Mulej insejjaħ.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Fil 2, 15d.16a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iddu fid-dinja bħal kwiekeb,

u żommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.

Mt 5, 27-32

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Smajtu xi ntqal: “La tagħmilx adulterju”. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.

 

Intqal ukoll: “Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju”. Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu