Stampa t-test tal-qari ...


L-Ewwel Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Alla kellimna permezz ta’ Ibnu.

Lhud 1, 1-6

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti. Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu, li hu għamlu werriet ta’ kollox, u li bih ukoll għamel il-ħolqien.

 

Hu, l-Iben, li hu d-dija tal-glorja ta’ Alla u x-xbieha tal-essenza tiegħu, u li jżomm id-dinja kollha bil-kelma setgħana tiegħu, wara li naddafna minn dnubietna, qagħad fuq il-lemin tal-kobor ta’ Alla fl-għoli tas-smewwiet, u b’hekk sar daqshekk aqwa mill-anġli daqskemm ogħla minn tagħhom hu l-isem li kiseb.

 

Għax lil min mill-anġli qatt qal Alla: “Inti ibni, jiena llum nissiltek?”. Jew: “Jiena nkun missieru, u hu jkun ibni?”.

 

Imbagħad, hu u jdaħħal ’l Ibnu l-Kbir fid-dinja, jgħid ukoll: “Ħa jqimuh l-anġli kollha ta’ Alla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 96 (97), 1 u 2b.6 u 7ċ.9

 

R/. (ara 7ċ): Naduraw lill-Mulej flimkien mal-anġli tiegħu

 

Il-Mulej isaltan! Ħa taqbeż l-art bil-ferħ,

u jifirħu l-ħafna gżejjer!

Is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu. R/.

 

Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu;

jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.

Quddiemu jinxteħtu l-allat kollha! R/.

 

Għax int, Mulej, inti l-Għoli,

’il fuq mill-art kollha,

ogħla ħafna mill-allat. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 1, 15

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iż-żmien huwa mitmum u s-Saltna ta’ Alla waslet, jgħid il-Mulej:

indmu u emmnu fl-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Indmu u emmnu fl-Evanġelju.

Mk 1, 14-20

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

 

Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u ’l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.

 

Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’ Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, u minnufih sejħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu