Stampa t-test tal-qari ...


It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent

L-Erbgħa

 

Qari I

Il-Mulej ikattar il-qawwa lil min hu bla saħħa.

Iż 40, 25-31

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

“Ma’ min ixxebbhuni jew tqabbluni?”, jistaqsi l-Qaddis.

Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw:

min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha?

Imexxi u jgħodd l-eżerċti tiegħu,

u jsejħilhom b’isimhom wieħed wieħed.

Bis-saħħa ta’ qawwietu, bil-qawwa ta’ setegħtu,

ħadd minnhom ma jonqos.

Għaliex titkellem Ġakobb,

u int, Iżrael, tgħid:

“Triqti moħbija mill-Mulej,

u mwarrab il-jedd tiegħi minn Alla”?

Jaqaw ma tafx?

Lanqas ma smajt?

Il-Mulej hu Alla ta’ dejjem,

il-ħallieq ta’ truf l-art.

Ma jegħja qatt, u ma jinkeddx,

l-għerf tiegħu ma ssibx tarfu.

Hu li jagħti l-qawwa lill-għajjien,

u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa.

Jintelqu ż-żgħażagħ u jegħjew,

fl-aħjar tagħhom jogħtru l-irġiel.

Imma dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom,

itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli,

jiġru bla ma jegħjew,

jimxu bla ma jintelqu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 102 (103), 1-2.3-4.8 u 10

 

R/. (1a): Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tieba u l-ħniena. R/.

 

Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Ma mexiex magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna;

ma ħallasniex skont ma ħaqqha ħżunitna. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ara, il-Mulej ġej biex isalva lill-poplu tiegħu:

hienja dawk li huma lesti biex jiltaqgħu miegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin.

Mt 11, 28-30

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu