Stampa t-test tal-qari ...


Id-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Agħmel il-ħila u qawwi qalbek, għax int Gożwè iddaħħal lil dan il-poplu fl-art imwiegħda.

Dewt 31, 1-8

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

 

Mosè qal dan il-kliem lil Iżrael kollu: Illum jien għandi mija u għoxrin sena, u ma niflaħx nibqa’ dieħel u ħiereġ, u l-Mulej qalli: “Int ma taqsamx dan il-Ġordan”. Il-Mulej, Alla tiegħek, se jaqsam il-Ġordan quddiemek, jeqred dawk il-ġnus minn quddiemek u int tirithom. Ġożwè se jgħaddi quddiemek kif qallek il-Mulej, u l-Mulej jagħmlilhom bħalma għamel lil Sihon, u lil Għog, slaten tal-Amurrin, u lil arthom, u qeridhom. U l-Mulej jerħihom f’idejkom u tagħmlulhom skont l-ordni li jien tajtkom.

 

Agħmlu l-ħila u qawwu qalbkom; tibżgħux u titregħdux quddiemhom; għax hu, il-Mulej, Alla tiegħek, se jimxi miegħek; mhux se jħallik, u anqas jitilqek”.

 

U Mosè sejjaħ lil Ġożwè u qallu quddiem Iżrael kollu: “Agħmel il-ħila u qawwi qalbek, għax int iddaħħal lil dan il-poplu fl-art li l-Mulej ħalef lil missirijiethom li jagħtihielhom, u int tqassamhielhom. Il-Mulej jimxi quddiemek, hu jkun miegħek; ma jħallikx u anqas jitilqek; la tibżax u la taqtax qalbek!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Dewt 32, 3-4a.7.8.9 u 12

 

R/. (9a): Sehem il-Mulej baqa’ l-poplu tiegħu

 

Irrid inxandar isem il-Mulej;

faħħruh intom lil Alla tagħna!

Għax hu l-Blata tagħna; perfett għemilu;

u lkoll ġusti t-triqat tiegħu. R/.

 

Ftakar fil-jiem ta’ dari;

qis is-snin, kull żmien li gerbeb!

Staqsi ’l missierek u jurik,

lix-xjuħ tiegħek u jgħidulek. R/.

 

Meta Alla l-Għoli ’l ġnus qassmilhom sehemhom,

u l-bnedmin minn xulxin fired,

ħażżeż truf il-ġnus,

skont l-għadd ta’ wlied Alla. R/.

 

Imma sehem il-Mulej baqa’ l-poplu tiegħu,

Ġakobb sehem il-wirt tiegħu.

Il-Mulej mexxiehom waħdu,

u ebda alla ieħor ma kien miegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 29ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, jgħid il-Mulej,

u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar.

Mt 18, 1-5.10.12-14

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak il-waqt resqu d-dixxipli lejn Ġesù u staqsewh: “Mela min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet?”. Hu sejjaħ lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir. U kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.

 

Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar; għax, ngħidilkom, l-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet.

 

Intom x’jidhrilkom? Jekk wieħed raġel ikollu mitt nagħġa u tintiliflu waħda minnhom, ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fuq l-għoljiet u jmur ifittex dik li tkun intilfitlu? U jekk jirnexxilu jsibha, tassew ngħidilkom jifraħ iktar biha milli bid-disgħa u disgħin l-oħra li ma jkunux intilfu. Hekk ukoll, anqas Missierkom li hu fis-smewwiet ma jrid li jintilef wieħed minn dawn iż-żgħar”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu