L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta
Qari I
Ġesù Kristu ma kienx “iva” u “le”; fih kien hemm l-”iva” weħidha.
2 Kor 1, 8-22
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, tassew, daqskemm tassew hu fidil Alla, li l-kelma tagħna lilkom ma kinitx “iva” u “le”. 19L-Iben ta’ Alla, Ġesù Kristu, li xandarnielkom aħna, jiena u Silvanu u Timotju, ma kienx “iva” u “le”; fih kien hemm l-“iva” weħidha.
Għax fih il-wegħdiet ta’ Alla kollha saru “iva”. Hu għalhekk li aħna, permezz tiegħu, ngħidu l-“Ammen” għall-glorja ta’ Alla.
Alla hu li jwettaq kemm lilkom u kemm lilna fi Kristu, li kkonsagrana għalih innifsu; hu li ssiġillana wkoll bis-siġill tiegħu, u tana b’rahan l-Ispirtu fi qlubna.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 118 (119), 129.130.131.132. 133.135
R/. (135a): Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek, Mulej
Tal-għaġeb huma l-preċetti tiegħek,
għalhekk tħarishom qalbi.
It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl,
ifiehem lil min ma jafx. R/.
Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ,
għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek.
Dur lejja u ħenn għalija,
kif dejjem tagħmel ma’ min iħobb ’l ismek. R/.
Żomm sħiħ il-mixi tiegħi skont il-wegħda tiegħek,
u ebda deni ma jaħkem fuqi.
Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek,
għallimni l-kmandamenti tiegħek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 5, 16
Hallelujah. R/. Hallelujah
Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin,
biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom
u jagħtu glorja lil Missierkom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Intom id-dawl tad-dinja.
Mt 5, 13-16
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies. Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu