Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sitt Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Kajjin qam għal ħuh Abel, u qatlu.

Ġen 4, 1-15.25

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

Adam għaraf lil martu Eva, u din tqalet u wildet lil Kajjin, għax qalet: “Ksibt bniedem bl-għajnuna tal-Mulej”. U mbagħad wildet lil ħuh Abel. Abel kien ragħaj in-nagħaġ u Kajjin ħaddiem ir-raba’. Ġara wara xi żmien li Kajjin għamel offerta mill-frott tal-art lill-Mulej; u Abel offra wkoll hu mill-bikri tal-merħla tiegħu u mill-grass tagħhom. U l-Mulej ħares lejn Abel u l-offerta tiegħu. Imma lejn Kajjin u lejn l-offerta tiegħu ma ħarisx; u Kajjin għalhekk saħan sewwa u wiċċu tqarras. U l-Mulej qal lil Kajjin: “Għala sħant u għala għaddast rasek? Jaqaw mhux minnu dak li jekk tagħmel it-tajjeb terfa’ rasek? Imma jekk ma tagħmilx it-tajjeb, id-dnub bħal xitan jissajja wara biebek. U hu xewqan għalik, imma inti tista’ trażżnu”.

 

U Kajjin qal lil ħuh Abel: “Ħa mmorru fir-raba’”. U kif kienu fir-raba’ Kajjin qam għal ħuh Abel, u qatlu. U l-Mulej qal lil Kajjin: “Fejn hu ħuk Abel?”. U hu wieġbu: “Ma nafx. Jaqaw jien għassies ta’ ħija?”. U l-Mulej wieġbu: “X’għamilt! Leħen id-demm ta’ ħuk qiegħed jgħajjatli mill-art. U issa misħut int mill-art li fetħet fommha u laqgħet id-demm ta’ ħuk minn idejk. Meta int taħdem l-art ma tagħtikx aktar ġidha. Int tibqa’ tiġġerra maħrub ’l hemm u ’l hawn fl-art”.

 

U Kajjin qal lill-Mulej: “Il-kastig tiegħi kbir wisq biex nerfgħu. Ara, int keċċejtni llum minn wiċċc l-art u jkolli ninħeba minn quddiem wiċċek; u nibqa’ niġġerra maħrub ’l hemm u ’l hawn fuq l-art; u kull min isibni joqtolni”. U l-Mulej wieġbu: “Mhux hekk! Kull min joqtol lil Kajjin iħallas seba’ darbiet”. U l-Mulej għamel sinjal fuq Kajjin biex kull min isibu ma joqtlux.

 

U Adam għaraf lil martu u wildet tifel u semmietu Set, għax qalet: “Għax Alla tani nisel ieħor flok Abel, li qatlu Kajjin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 49 (50), 1 u 8.16bċ-17.20-21

 

R/. (14a): Agħti lil Alla sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr

 

Alla, il-Mulej Alla, tkellem,

u sejjaħ l-art minn fejn titla’ x-xemx sa fejn tinżel:

“Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek;

il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi. R/.

 

Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi,

u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,

int, li tobgħod it-twiddib,

u tixħet kliemi wara dahrek? R/.

 

Kontra ħuk toqgħod tpaċpaċ,

kontra bin ommok tqassas.

Dan int għamilt, u jien bqajt sieket;

forsi ħsibt li jiena bħalek. Issa se nċanfrek,

u dan kollu nqiegħed quddiemek”. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 6

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.

Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Għalfejn irid sinjal dan in-nisel?

Mk 8, 11-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, ġew il-Fariżej u bdew iħaqquha ma’ Ġesù; u, biex iġarrbuh, talbuh sinjal mis-sema. Hu tniehed tnehida fih innifsu u qal: “Għalfejn irid sinjal dan in-nisel? Tassew ngħidilkom, ebda sinjal ma jingħatalu dan in-nisel”. U telaqhom, raġa’ tala’ fuq id-dgħajsa u mar ix-xatt l-ieħor.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu