Stampa t-test tal-qari ...


It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent

Il-Ħamis

 

Qari I

Jien il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael!

Iż 41, 13-20

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Jiena l-Mulej, Alla tiegħek,

inwieżnek minn idek il-leminija,

u ngħidlek: “Tibżax, jiena l-għajnuna tiegħek”.

Tibżax, Ġakobb, daqsxejn ta’ dudu fl-art,

intom, bnedmin ta’ Iżrael!

Jiena l-għajnuna tiegħek – oraklu tal-Mulej –,

il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael!

Arani! Jien nagħmel minnek romblu tad-dris ġdid,

jaqta’ u kollu snien.

Int tidres il-muntanji u tfarrakhom,

u l-għoljiet tagħmilhom tlief;

int idderrihom u r-riħ iġorrhom,

u r-riefnu jxerridhom.

Imbagħad int tifraħ fil-Mulej,

u tiftaħar bil-Qaddis ta’ Iżrael.

Il-foqra u l-imsejknin ifittxu l-ilma u ma jsibux!

Ilsienhom niexef bil-għatx.

Jiena, il-Mulej, nismagħhom,

Jiena, Alla ta’ Iżrael, ma ninsihomx.

Xmajjar ta’ ilma nfawwar fuq l-għoljiet għerja,

u għejun f’nofs il-widien.

Nibdel id-deżert f’għadira ilma,

u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma.

Inxettel iċ-ċedri fid-deżert,

il-gazzi, u r-riħan, u s-siġar taż-żebbuġ;

intella’ ċ-ċipress fix-xagħri,

u magħhom id-dolf u l-bux;

biex hekk jaraw u jagħrfu,

jaħsbu u jifhmu wkoll,

li id il-Mulej għamlet dan,

u l-Qaddis ta’ Iżrael ħalqu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 144 (145), 1 u 9. 10-11.12-13ab

 

R/. (8): Il-Mulej twajjeb u ħanin

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,

u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.

Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kulma għamel. R/.

 

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

 

Biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Iż 45, 8

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Qattru, smewwiet, mill-għoli,

u jraxxax is-sħab il-ġustizzja;

tinfetaħ l-art u tinbet is-salvazzjoni.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista.

Mt 11, 11-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesů qal lill-folla: “Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu. Minn żmien Ġwanni l-Battista sal-lum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha. Għax il-Profeti kollha, u wkoll il-Liġi, ħabbru sa żmien Ġwanni, u, jekk tridu temmnuni, dan hu Elija li għandu jiġi.

Min għandu widnejn ħa jisma’!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu