It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent
Mis-17 ta’ Diċembru sal-Quddiesa ta’ filgħodu tal-24 ta’ Diċembru, fil-ferji jintużaw it-testi propji
It-Tnejn
Qari I
Għad titla’ kewkba minn Ġakobb
Num 24, 2-7.15-17a
Qari mill-Ktieb tan-Numri
F’dak iż-żmien, Balgħam rafa’ għajnejh u ra lil Iżrael, mifrux fil-kamp u mqassam tribù tribù. Imbagħad niżel l-ispirtu ta’ Alla fuqu. U beda jitkellem u jgħid:
“Il-kelma ta’ Balgħam bin Begħor;
l-oraklu ta’ bniedem b’għajnejh miftuħa;
L-oraklu ta’ wieħed jisma’ kliem Alla,
u jara dehret Alla li jista’ kollox,
u jaqa’ fl-art u għajnejh mikxufa.
Kemm huma sbieħ l-għerejjex tiegħek, Ġakobb,
l-għamajjar tiegħek, Iżrael.
Bħal widien jinfirxu,
bħal ġonna ma’ xatt xi xmara,
bħal siġar tas-sabbâra mħawla mill-Mulej,
bħal masġar tal-arżnu ħdejn l-ilma!
L-ilma jfawwar mill-bramel tiegħu,
u nislu kotran bħall-ilmijiet.
Is-sultan tiegħu ogħla minn Agag,
u s-saltna tiegħu togħla ’l fuq”.
U beda jitkellem u jgħid:
Il-kelma ta’ Balgħam bin Begħor;
l-oraklu ta’ bniedem b’għajnejh miftuħa;
l-oraklu ta’ wieħed jisma’ kliem Alla,
ta’ wieħed jagħraf l-għerf tal-Għoli,
u jara dehriet Alla li jista’ kollox,
u jaqa’ fl-art u għajnejh mikxufa.
Qiegħed naraha, imma mhux għalissa;
inħares lejha, imma mhux fil-qrib.
Għad titla’ kewkba minn Ġakobb
u jqum xettru minn Iżrael”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 24 (25), 4bċ-5ab.6-7bċ.8-9
R/. (4b): Triqatek, Mulej, għarrafni
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.
Ftakar fil-ħniena u t-tieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skont it-tieba tiegħek. R/.
Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Salm 84 (85), 8
Hallelujah. R/. Hallelujah
Uri lilna, Mulej, it-tieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Il-magħmudija ta’ Ġwanni minn fejn kienet ġejja?
Mt 21, 23-27
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù daħal fit-tempju, u, waqt li kien qiegħed jgħallem, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu u qalulu: “Int b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min tahielek din is-setgħa?”.
U Ġesù qalilhom: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien ukoll: jekk tweġbuni għaliha, jien ukoll ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu. Il-magħmudija ta’ Ġwanni minn fejn kienet ġejja, mis-sema jew mill-bnedmin?”. Dawk bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk inweġbuh: “Mis-sema”, jgħidilna: “Mela għaliex ma emmintux?”. U jekk ngħidulu: “Mill-bnedmin”, nibżgħu min-nies, għax lil Ġwanni kulħadd iżommu bi profeta”. Imbagħad wieġbu lil Ġesù u qalulu: “Ma nafux”. U hu qalilhom: “Mela anqas jiena ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu