Stampa t-test tal-qari ...


It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

F’għajnejn il-boloh dehru mejta; iżda huma qegħdin fis-sliem.

Għerf 2, 23 – 3,9

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

 

Alla ħalaq il-bniedem biex ma jmutx,

u għamlu xbieha tiegħu nnifsu.

Bl-għejra tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja;

u jafu xi tfisser dawk li huma tiegħu.

 

L-erwieħ tal-ġusti huma f’idejn Alla,

u l-ebda tbatija ma tilħaqhom.

F’għajnejn il-boloh dehru mejta;

it-tluq tagħhom stħajluh b’telfien,

u qerda t-tbegħid tagħhom minna.

Iżda huma qegħdin fis-sliem.

Għax, għalkemm f’għajnejn il-bnedmin dehru maħqura,

għandhom tama sħiħa fil-ħajja bla tmiem.

Wara ftit ta’ tbatija jiksbu ġid kbir;

għax Alla ġarrabhom u sabhom tajbin għalih.

Bħad-deheb fin-nar ġarrabhom,

u laqagħhom bħal vittma maħruqa kollha għalih.

Meta Alla jiġi għalihom, huma jiddu,

bħal xrar tan-nar li jżiġġ f’għalqa bil-qasab.

Jagħmlu ħaqq mill-ġnus u jaħkmu fuq il-popli,

u jkun il-Mulej is-sultan tagħhom għal dejjem.

Min jittama fih jifhem is-sewwa,

u min jemmen fih jgħix miegħu fl-imħabba;

għax tieba u ħniena hemm għall-magħżulin tiegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 33 (34), 2-3.16-17.18-19

 

R/. (2a): Kull ħin inbierek il-Mulej

 

Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti,

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom. R/.

 

Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna,

u l-Mulej jismagħhom;

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,

jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej,

u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.

Lq 17, 7-10

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu: “Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel?”, jew: “Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int?”. Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu?

 

ekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu””.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu