Stampa t-test tal-qari ...


It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha.

Dewt 6, 4-13

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

 

Mosè kellem lill-poplu u qal: Isma’, o Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.

 

Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum; torbothom b’sinjal ma’ idek u ddendilhom bejn għajnejk. U tiktibhom mal-ġnub tal-bibien u fuq il-bwieb tiegħek.

 

Il-Mulej, Alla tiegħek, idaħħlek fl-art li ħalef lil missirijietek, lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, li jagħtiha lilek, bliet kbar u sbieħ li int ma bnejtx; u djar mimlija b’kull ġid li ma ħżintx int; bjar imħaffrin, li ma ħaffirthomx int; dwieli u żebbuġ li ma ħawwilthomx int; u tiekol u tixba’. Qis li ma tinsiex lill-Mulej, li ħarġek mill-Eġittu, minn dar il-jasar. Tibża’ mill-Mulej, Alla tiegħek, lilu sservi u taħlef b’ismu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 17 (18), 2-3a.3bċ-4.47 u 51ab

 

R/. (2): Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!

 

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!

Il-Mulej blata tiegħi,

fortizza u ħellies tiegħi. R/.

 

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,

qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!

Insejjaħ il-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,

u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi. R/.

 

Ħaj il-Mulej! Imbierek hu, il-blata tiegħi!

Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!

Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,

juri mħabbtu mal-midluk tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tim 1, 10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,

u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kieku għandkom il-fidi ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir.

Mt 17, 14-20

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed raġel niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: Mulej, ikollok ħniena minn ibni, għax marid b’tal-qamar u qiegħed ibati ħafna; għax sikwit jaqa’ jew fin-nar jew fl-ilma. Ġibtu lid-dixxipli tiegħek, iżda ma setgħux ifejquh”. Wieġeb Ġesù u qal: “Ja nies bla fidi u ħżiena! Kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli hawn”. Imbagħad Ġesù hedded bis-sħiħ lix-xitan, u dan ħareġ minnu, u minn dak il-ħin stess it-tifel fieq.

 

Wara mbagħad id-dixxipli resqu lejn Ġesù għalihom weħidhom u qalulu: “L-għala aħna ma rnexxilniex inkeċċuh?”. U hu qalilhom: “Minħabba l-fidi żgħira tagħkom! Għax tassew ngħidilkom, li kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din il-muntanja: “Warrab minn hawn u mur hemm”, u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu