Stampa t-test tal-qari ...


L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Tana l-ħila li nkunu ministri tal-patt il-ġdid, il-patt mhux tal-ittra imma tal-Ispirtu.

2 Kor 3, 4-11

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, tant aħna għandna qalbna qawwija quddiem Alla permezz ta’ Kristu! Mhux li aħna minna nfusna għandna l-ħila naħsbu li xi ħaġa ġejja minna nfusna; il-ħila tagħna ġejja mingħand Alla, li tana l-ħila li nkunu ministri tal-patt il-ġdid, il-patt mhux tal-ittra imma tal-Ispirtu; għax l-ittra toqtol, imma l-Ispirtu jagħti l-ħajja.

 

Issa jekk il-ministeru tal-mewt imnaqqax fil-ġebel kien hekk imdawwal bil-glorja li wlied Iżrael ma setgħux iżommu għajnejhom f’wiċċ Mosè minħabba fid-dija ta’ wiċċu – u din ma kinitx għal dejjem – kemm aktar ikun imdawwal bil-glorja l-ministeru tal-Ispirtu?

 

Jekk il-ministeru tal-kundanna kien imdawwal bil-glorja, kemm aktar jiddi bil-glorja l-ministeru tal-ġustifikazzjoni! Anzi, minn daqshekk, dak li darba kellu l-glorja ma kellu glorja xejn ħdejn il-kobor bla qjies tal-glorja ta’ issa.

 

Jekk kien imdawwal bil-glorja l-ministeru li kellu jgħaddi, kemm aktar hu mdawwal bil-glorja dak li għandu jibqa’.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 98 (99), 5.6.7.8.9

 

R/. (ara 9ċ): Int qaddis, Mulej, Alla tagħna

 

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,

inxteħtu quddiem mirfes riġlejh,

għax hu qaddis! R/.

 

Mosè u Aron fost il-qassisin tiegħu,

u Samwel fost dawk li jsejħu ismu,

kienu jsejħu l-Mulej, u hu jweġibhom. R/.

 

F’kolonna ta’ sħab kien jitkellem magħhom;

kienu jħarsu l-preċetti

u l-liġi li tahom. R/.

 

Mulej, Alla tagħna, inti smajthom;

int Alla li tagħder kont għalihom;

iżda tħallast tal-imġiba ħażina tagħhom. R/.

 

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,

u nxteħtu quddiem l-għolja mqaddsa tiegħu;

għax qaddis hu l-Mulej, Alla tagħna! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 24 (25) 4b.5a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-mogħdijiet tiegħek għallimni, Mulej;

mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mt 5, 17-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox.

 

Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu