Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħames Ġimgħa tar-Randan

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Il-Mulej miegħi bħal raġel qalbieni.

Ġer 20, 10-13

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

Ma nismax ħlief taqsis il-kotra,

biża’ madwari kollu!

“Ixluh! Ħa nixluh!”

Jgħajtu saħansitra ħbiebi kollha, ifittxu l-qerda tiegħi:

“Għandu mnejn jitqarraq u negħlbuh,

ta’ kollox nitħallsu minnu!”

Il-Mulej miegħi bħal raġel qalbieni,

għalhekk dawk li jagħmlu għalija jogħtru,

ma jagħmlu xejn,

jitħawdu bis-sħiħ, għax ħsiebhom ma jseħħx;

għajb għalihom li ma jintesa qatt.

Int, Mulej tal-eżerċti, li ġġarrab il-ġust,

li tara l-ġewwieni u l-qalb,

ħallini nara l-vendetta tiegħek kontrihom,

għax f’idejk ħallejt il-kawża tiegħi.

Għannu lill-Mulej, faħħru lill-Mulej,

għaliex ħajjet l-imsejken ħelisha minn id il-ħżiena.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 17 (18), 2-3a.3bċ-4.5-6.7

 

R/. (ara 7): Fl-hemm tiegħi lill-Mulej sejjaħt, u semagħni

 

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!

Il-Mulej blata tiegħi,

fortizza u ħellies tiegħi. R/.

 

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,

qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!

Insejjaħ il-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,

u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi. R/.

 

Imwieġ tal-mewt ħakmuni,

widien tal-biża’ werwruni,

ħbula tal-imwiet dawruni,

xbiek tal-mewt inqaleb fuqi. R/.

 

Fl-hemm tiegħi lill-Mulej sejjaħt,

tlabt l-għajnuna ’l Alla tiegħi;

hu sama’ leħni mit-tempju tiegħu,

f’widnejh waslet l-għajta tiegħi. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 6, 63ċ.68ċ

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja,

inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Fittxew li jaqbduh, imma hu ħarbilhom minn taħt idejhom.

Ġw 10, 31-42

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, il-Lhud reġgħu qabdu l-ġebel biex iħaġġru lil Ġesù. Imma Ġesù qalilhom: “Kien hemm ħafna għemejjel tajba li jiena wrejtkom mingħand il-Missier; għal liema għemil minnhom tridu tħaġġruni?”. Weġbuh il-Lhud: “Mhux għal xi għemil tajjeb irridu nħaġġruk, iżda minħabba d-dagħwa li dgħajt, u għax int, li m’intix ħlief bniedem, qiegħed tagħmel lilek innifsek Alla”.

 

Qalilhom Ġesù: “Fil-Liġi tagħkom ma hemmx miktub: “Jiena għedt: Intom allat”? Issa jekk il-Liġi ssejjaħ allat lil dawk li waslitilhom il-kelma ta’ Alla – u l-Iskrittura ma tistax titħassar – mela lili, li l-Missier ikkonsagrani u bagħatni fid-dinja, kif tgħiduli: “Qiegħed tidgħi”, għax għedtilkom li jien Bin Alla? Jekk jien m’iniex nagħmel l-għemejjel ta’ Missieri, temmnunix; imma jekk qiegħed nagħmilhom, jekk ma temmnux lili, għallinqas emmnu l-għemejjel, biex tkunu tafu u tagħrfu li l-Missier huwa fija u jiena fil-Missier”.

 

Għal darb’oħra fittxew li jaqbduh, imma hu ħarbilhom minn taħt idejhom. U raġa’ mar in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn qabel kien hemm Ġwanni jgħammed, u baqa’ hemm. Kienu ħafna dawk li marru ħdejh, u qalu: “Ġwanni ma għamel ebda sinjal, imma kollu minnu kulma qal Ġwanni fuq dan il-bniedem”. U hemmhekk ħafna emmnu fih.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu