Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sitt Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

It-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar biex tkunu perfetti u sħaħ.

Ġak 1, 1-11

 

Bidu tal-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

 

Ġakbu, qaddej ta’ Alla u tal-Mulej Ġesù Kristu, lit-tnax-il tribù mxerrda mad-dinja: sliem! Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma’ kull xorta ta’ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar. Ħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn.

 

Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu. Mela ħa jitlob bil-fidi, bla ma jitħasseb xejn, għax min jitħasseb ikun jixbah lill-mewġ tal-baħar imqanqal u mqalleb bir-riħ. Bniedem bħal dan ma għandux jistenna li se jaqla’ xi ħaġa mingħand il-Mulej; hu bniedem mifxul fih innifsu, u mhuwiex żgur mit-triq li jagħżel. Ħa jiftaħar ħuna l-fqir li Alla għollieh, u l-għani jiftaħar flumiljazzjoni tiegħu. Għax dan jgħib bħal ward ir-raba’; titla’ x-xemx tisreġ u bis-sħana tnixxef il-ħaxix, u l-fjur tiegħu jaqa’ u s-sbuħija ta’ surtu tgħib; hekk ukoll jiġrilu l-għani f’kulma jmidd għonqu għalih.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 118 (119), 67.68.71.72.75.76

 

R/. (77a): Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja

 

Qabel ma għakkistni, jien kont fl-iżball;

imma issa nħares il-kelma tiegħek.

Twajjeb int, u l-ġid tagħmel;

għallimni l-kmandamenti tiegħek. R/.

 

Swieli ta’ ġid li għakkistni,

għax tgħallimt il-kmandamenti tiegħek.

Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok

mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda. R/.

 

Jien naf, Mulej, li ġusti d-digrieti tiegħek;

u li skont is-sewwa għakkistni.

Tkun it-tieba tiegħek il-faraġ tiegħi,

skont il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 6

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.

Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Għalfejn irid sinjal dan in-nisel?

Mk 8, 11-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, ġew il-Fariżej u bdew iħaqquha ma’ Ġesù; u, biex iġarrbuh, talbuh sinjal mis-sema. Hu tniehed tnehida fih innifsu u qal: “Għalfejn irid sinjal dan in-nisel? Tassew ngħidilkom, ebda sinjal ma jingħatalu dan in-nisel”. U telaqhom, raġa’ tala’ fuq id-dgħajsa u mar ix-xatt l-ieħor.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu