Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sitt Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Lil ħadd ma rħielu jidneb.

Sir 15, 15-20

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

 

Jekk trid tista’ tħares il-kmandamenti,

u b’rieda tajba tista’ tkun fidil.

Hu qegħedlek quddiemek in-nar u l-ilma;

liema trid minnhom, midd idek għalih.

Quddiem il-bniedem hemm il-ħajja u l-mewt,

u liema tixtieq qalbu lesta għalih.

Għax għerf il-Mulej hu bla qjies,

qawwi f’setegħtu u jara kollox.

Għajnejh fuq dawk li jibżgħu minnu,

u jagħraf kull ma jagħmel il-bniedem.

Lil ħadd ma qabbad jgħix ħażin,

u lil ħadd ma rħielu jidneb.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 118 (119), 1-2.4-5.17-18.33-34

 

R/. (1b): Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej

 

Henjin dawk li triqthom bla ħtija,

li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu,

u li jfittxuh b’qalbhom kollha. R/.

 

Int tajt il-preċetti tiegħek,

biex inħarsuhom bir-reqqa.

Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi

fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek! R/.

 

Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek,

agħtini li ngħix u nħares il-kelma tiegħek.

Iftaħli għajnejja,

biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek. R/.

 

Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek;

jiena rrid nibqa’ fiha sa l-aħħar.

Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek

u nagħmilha b’qalbi kollha. R/.

 

Qari II

Alla fassal il-għerf mill-bidunett għas-sebħ tagħna.

1 Kor 2, 6-10

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, aħna ngħallmu l-għerf fost dawk li huma perfetti, imma mhux l-għerf ta’ din id-dinja, anqas l-għerf tal-prinċpijiet ta’ din id-dinja, li se jintemmu fix-xejn. Ngħallmu l-għerf ta’ Alla moħbi f’misteru, li Alla fassal qabel iż-żmien għall-glorja tagħna.

 

Ebda wieħed mill-mexxejja ta’ din id-dinja ma għarfu; kieku għarfuh, qatt ma kienu se jsallbu lill-Mulej tal-glorja.

 

Imma, bħalma hu miktub: “Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bnedmin, dak Alla lesta għal dawk li jħobbuh”.

 

Alla rrivelahulna permezz tal-Ispirtu; għax l-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta’ Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 11, 25

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Fl-imgħoddi hekk intqal, imma jiena ngħidilkom.

Mt 5, 17-37

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ

l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet. Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

 

Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: “La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna”. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu: “Ġifa,” ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu: “Iblah,” ikun ħaqqu n-nar tal-infern.

 

Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek.

 

Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.

 

Smajtu xi ntqal: “La tagħmilx adulterju”. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.

 

Intqal ukoll: “Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju”. Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha l-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju.

 

Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: “Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu”. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas-Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: “iva, iva”; “le, le”; kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Jew il-forma l-qasira

 

Evanġelju

Fl-imgħoddi hekk intqal, imma jiena ngħidilkom.

Mt 5, 20-22a.27-28.33-34a.37

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

 

Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: “La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna”. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh.

 

Smajtu xi ntqal: “La tagħmilx adulterju”. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.

 

Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: “Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu”. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: “iva, iva”; “le, le”; kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu