Stampa t-test tal-qari ...


L-Ewwel Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Dakinhar tgħajtu minħabba s-sultan li tkunu ħtartu, imma l-Mulej dakinhar ma jismagħkomx.

1 Sam 8, 4-7.10-22a

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

 

F’dak iż-żmien, ix-xjuħ kollha ta’ Iżrael inġemgħu u marru għand Samwel f’Rama, u qalulu: “Ara, inti xjeħt, u wliedek ma qabdux triqtek. Issa agħmlilna sultan biex imexxina bħall-ġnus kollha”. Dan li qalu: “Agħtina sultan biex imexxina”, ma għoġbux lil Samwel, u mar jitlob quddiem il-Mulej. Il-Mulej wieġeb lil Samwel: “Isma’ minn leħen il-poplu f’kulma jgħidulek. Għax mhux lilek warrbu, iżda lili warrbu, biex ma nsaltanx fuqhom”.

 

Samwel qal kulma qallu l-Mulej lill-poplu li kien talbu sultan. U qalilhom: “Dan hu d-dritt tas-sultan li għad isaltan fuqkom; jeħdilkom is-subien tagħkom, u jqegħedhom mal-karrijiet u maż-żwiemel, u jiġru quddiem il-karru tiegħu. U jagħmel minnhom kaptani ta’ elf u ta’ ħamsin raġel, biex jaħartu l-ħrit tiegħu, u jaħsdu l-ħsad tiegħu, u jaħdmu l-għodod għall-gwerra u t-tagħmir għallkarrijiet tiegħu. U jieħu l-bniet tagħkom biex jaħdmu l-fwieħa, isajru u jagħġnu. U mir-raba’ tagħkom, mill-oqsma tad-dwieli tagħkom, u taż-żebbuġ tagħkom jieħu l-aħjar, u jagħtihom lill-qaddejja tiegħu. Jieħu mill-għaxra waħda tal-miżirgħa u tal-oqsma taddwieli tagħkom, u jagħtihom lill-kortiġjani ul-uffiċjali tiegħu. U jeħdilkom l-aħjar minn fost l-ilsiera, irġiel u nisa, u l-aħjar mill-baqar u l-ħmir tagħkom, u jqabbadhom jaħdmu fix-xogħol tiegħu. Jieħu mill-għaxra waħda tal-imrieħel tagħkom u intom tkunu lsiera tiegħu. U dakinhar tgħajtu minħabba s-sultan li tkunu ħtartu, imma l-Mulej dakinhar ma jismagħkomx”.

 

Imma l-poplu ma riedx jisma’ minn kliem Samwel, u qalulu: “Le! ħa jkollna sultan fuqna, ħa nkunu aħna wkoll bħall-ġnus kollha; ħa jaħkem fuqna sultan tagħna, u jimxi quddiemna u jmexxi t-taqbid tagħna”.

 

U Samwel sama’ l-kliem kollu tal-poplu u tenniehom f’widnejn il-Mulej. U l-Mulej qal lil Samwel: “Isma’ minn kliemhom, u agħmlilhom sultan”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 88 (89), 16-17.18-19

 

R/. (ara 2a): It-tieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni

 

Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ,

li jimxi, Mulej, fid-dawl ta’ wiċċek.

B’ismek jithennew il-jum kollu,

u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu. R/.

 

Għax inti l-foħrija tal-qawwa tagħhom;

għal tjubitek nerfgħu rasna fl-għoli.

Għax il-Mulej it-tarka tagħna;

il-Qaddis ta’ Iżrael is-sultan tagħna. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 7, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Profeta kbir qam fostna,

u Alla żar il-poplu tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art.

Mk 2, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

Wara xi ġranet Ġesù daħal Kafarnahum. In-nies semgħet li kien id-dar u nġabru bosta, hekk li ma kienx hemm fejn joqogħdu iżjed, anqas quddiem il-bieb. U qagħad ixandrilhom il-Kelma. U marru ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, merfugħ minn erbgħa min-nies. Billi ma setgħux jersqu sa ħdejh minħabba l-kotra, qalgħu s-saqaf ta’ fuqu, fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mimdud il-mifluġ. Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: “Ibni, dnubietek maħfura”.

 

Mela kien hemm bilqiegħda xi wħud mill-kittieba, u f’qalbhom bdew jgħidu: Dan kif qiegħed jitkellem hekk? Dan qiegħed jidgħi! Min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla biss?” Malli Ġesù ntebaħ fih innifsu x’kienu qegħdin jgħidu bejnhom u bejn ruħhom qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom? X’inhu l-eħfef, tgħid lillmifluġ: “Dnubietek maħfura”, jew tgħidlu: “Qum u aqbad friexek u imxi”? Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art”, qal lill-mifluġ: Qum, aqbad friexek u mur lejn darek”. Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ ’il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu