Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Inti ġietek ħasra mis-siġra tar-riġnu, u mela jiena ma kellix tiġini ħasra minn Ninwè?

Ġona 4, 1-11

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona

 

Il-maħfra ta’ Alla lin-nies ta’ Ninwè xejn m’għoġbot lil Ġona, u nkorla. U talab lill-Mulej u qal: “Jaħasra, Mulej, mhux dan kien kliemi meta kont għadni f’pajjiżi? Kien għalhekk li jien għall-ewwel ħrabt lejn Tarsis, għax kont naf li int Alla ħanin u tagħder, tqil biex tinkorla, kollok tieba u jisgħob bik għad-deni. U issa, Mulej, ħudli ħajti, nitolbok, għax għalija aħjar immut milli nibqa’ ħaj!”. U qal il-Mulej: “Dan sewwa għalik li tinkorla?”.

 

Imbagħad Ġona ħareġ mill-belt u qagħad in-naħa tal-Lvant tal-belt; tella’ għalih għarix hemmhekk, u qagħad taħtu, għad-dell, biex jara x’kien se jiġri mill-belt. U l-Mulej Alla ordna li titla’ siġra tar-riġnu għal Ġona, biex ikollu d-dell fuq rasu u teħilsu mill-ħsara. Ġona feraħ wisq bis-siġra.

 

Imma kif sebaħ l-għada, Alla bagħat dudu li mess is-siġra u din nixfet. Ġara mbagħad li, kif telgħet ix-xemx, il-Mulej bagħat riħ jaħraq mil-Lvant, ix-xemx qabdet tisreġ fuq ras Ġona, hekk li dan ħassu ħażin u xtaq li jmut, u qal: “Għalija aħjar immut milli nibqa’ ħaj”.

 

U qal Alla lil Ġona: “Dan sewwa għalik li tinkorla għas-siġra?”. Iżda hu wieġeb: “Iva, sewwa li nkurlajt sal-mewt!”. Imbagħad qallu l-Mulej: “Inti ġietek ħasra mis-siġra tar-riġnu, li la tħabatt għaliha u lanqas kabbartha int, u li f’lejl wieħed ġiet u f’lejl wieħed marret! Mela jiena ma kellix tiġini ħasra minn Ninwè, il-belt il-kbira fejn hemm aktar minn mija u għoxrin elf ruħ li ma jafux jagħżlu bejn il-lemin u x-xellug tagħhom, u fejn hemm ukoll ħafna bhejjem?”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 85 (86), 3-4.5-6.9-10

 

R/. (15b): Il-Mulej kollu tieba u fedeltà

 

Ħenn għalija, Sidi,

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek,

għax lejk, Sidi, jien nerfa’ ruħi. R/.

 

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer,

kollok tieba għal kull min isejjaħlek.

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi,

isma’ l-leħen tal-ilfiq tiegħi. R/.

 

Il-ġnus kollha, li għamilt,

jiġu jinxteħtu quddiemek,

u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel tal-għaġeb tagħmel;

int waħdek Alla! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Rum 8, 15bċ

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Intom irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi;

u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mulej, għallimna nitolbu.

Lq 11, 1-4

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Darba Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu”.

 

U qalilhom: “Meta titolbu, għidu:

Missier,

jitqaddes ismek,

tiġi Saltnatek.

Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.

U aħfrilna dnubietna,

għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina,

u la ddaħħalniex fit-tiġrib”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu