Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħames Ġimgħa tar-Randan

Il-Ħamis

 

Qari I

Nagħmel minnek missier ħafna ġnus.

Ġen 17, 3-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

F’dak iż-żmien, Abram inxteħet wiċċu fl-art, u Alla kellmu u qallu:

“Hawn jien. Ara l-patt tiegħi miegħek:

Int tkun missier ta’ ħafna ġnus.

U ma tissejjaħx aktar Abram,

imma Abraham ikun ismek,

għax missier ħafna ġnus nagħmel minnek.

 

U jiena nkattrek fuq li nkattrek, u nagħmel minnek ġnus sħaħ, u slaten joħorġu minnek. U jien nagħmel il-patt tiegħi bejni u bejnek, bejni u bejn nislek warajk skont il-ġenerazzjonijiet tagħhom, patt għal dejjem, li nkun Alla tiegħek u ta’ nislek għal dejjem warajk. U jien nagħti lilek u lil nislek l-art fejn int frustier, l-art kollha ta’ Kangħan, biex tkun tiegħek għal dejjem, u jiena nkun Alla tagħhom”. U Alla żied jgħid lil Abraham: “U int iżżomm il-patt tiegħi, int u

nislek warajk, skont il-ġenerazzjonijiet tagħhom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 104 (105), 4-5.6-7.8-9

 

R/. (8a): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu

 

Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,

fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu.

Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,

fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu. R/.

 

Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,

ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,

Jaħweh hu Alla tagħna!

Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu! R/.

 

Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,

fil-kelma li ta għal elf nisel,

fil-patt li għamel ma’ Abraham,

fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Salm 94 (95), 8ab

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Illum la twebbsux qalbkom,

iżda isimgħu leħen il-Mulej.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Missierkom Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara l-jum tiegħi.

Ġw 8, 51-59

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil-Lhud:Tassew tassew ngħidilkom li min iħares il-kelma tiegħi ma jara qatt il-mewt”. Qalulu l-Lhud: “Issa tassew nafu li għandek Xitan fik. Abraham miet, u l-profeti wkoll; u inti tgħid: “Jekk xi ħadd iħares kelmti ma jduq qatt il-mewt”. Jaqaw int akbar minn missierna Abraham li miet? U l-profeti wkoll mietu. Inti x’taħseb li int?”. Wieġeb Ġesù: “Li kieku kelli nagħti glorja lili nnifsi, il-glorja tiegħi ma kienet tkun tiswa xejn. Imma dak li lili qiegħed jagħtini l-glorja huwa l-Missier, dak li intom tgħidu li hu Alla tagħkom, u madankollu ma għaraftuhx. Imma jiena nafu, u kieku kelli ngħid li ma nafux, kont inkun giddieb bħalkom. U mhux biss nafu, imma wkoll inħares il-kelma tiegħu. Missierkom Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara l-jum tiegħi, u rah u feraħ”.

 

Qalulu l-Lhud: “Għadek anqas għalaqt il-ħamsin u rajt lil Abraham?”. Qalilhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, qabel ma kien Abraham, jiena hu”. Għalhekk il-Lhud qabdu l-ġebel biex iwaddbuhulu; imma Ġesù nħbielhom u ħareġ mit-tempju.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu