Stampa t-test tal-qari ...


It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Aħna m’aħniex ulied l-ilsira, imma wlied il-ħielsa.

Gal 4, 22-24.26-27.31 – 5, 1

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

 

Ħuti, hemm miktub li Abraham kellu żewġ ulied, wieħed mill-ilsira, u wieħed mill-ħielsa; imma dak li ġie mill-ilsira twieled bis-saħħa tal-ġisem, waqt li dak li ġie mill-ħielsa twieled bis-saħħa tal-wegħda.

 

Dan kollu ntqal b’tixbiha, għax dawn in-nisa jfissru żewġ pattijiet: wieħed ġej mill-muntanja Sinaj, li tiled għall-jasar: din hija Ħagar. Iżda Ġerusalemm ta’ fuq, li hi ommna, hi ħielsa, għax hemm miktub:

“Ifraħ, mara bla wlied li ma tiledx,

erfa’ leħnek u għajjat bil-ferħ, int li ma tbatix b’uġigħ il-ħlas;

għax ulied il-mara abbandunata huma aktar kotrana

minn dawk ta’ dik li għandha ’l żewġha”.

 

Għalhekk, ħuti, aħna m’aħniex ulied l-ilsira, imma wlied il-ħielsa. Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa! Żommu sħiħ, u terġgħux tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 112 (113), 1-2.3-4.5a u 6-7

 

R/. (ara 2): Ikun isem il-Mulej imbierek, minn issa u għal dejjem!

jew Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Faħħru, qaddejja tal-Mulej,

faħħru isem il-Mulej.

Ikun isem il-Mulej imbierek,

minn issa u għal dejjem! R/.

 

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha

ikun imfaħħar isem il-Mulej!

Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej,

ogħla mis-smewwiet hu sebħu. R/.

 

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, li qiegħed fl-għoli?

Hu li jħares ’l isfel, lejn is-smewwiet u lejn l-art.

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken,

u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Salm 94 (95) 8ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Illum la twebbsux qalbkom,

iżda isimgħu leħen il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ebda sinjal ma jingħata lil dan in-nisel ħlief is-sinjal ta’ Ġona.

Lq 11, 29-32

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: “Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta’ Ġona. Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta’ Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel. F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-Nofsinhar għad tqum man-nies ta’ dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf tal-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun! F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu ma’ dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu