Stampa t-test tal-qari ...


L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Aħna ħatja kontra ħuna; għalhekk ġie fuqna dan l-għawġ.

Ġen 41, 55-57; 42, 5-7a. 17-24a

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

F’dak iż-żmien, ġie l-ġuħ fuq l-art kollha tal-Eġittu, u l-poplu beda jgħajjat lill-Fargħun għall-ħobż. U l-Fargħun beda jgħid lin-nies kollha tal-Eġittu: “Morru għand Ġużeppi, u agħmlu li jgħidilkom”. U kien hemm il-ġuħ fuq wiċċ l-art kollha; u Ġużeppi fetaħ l-imħażen kollha u beda jbigħ lin-nies tal-Eġittu; u l-ġuħ baqa’ jagħfas fuq l-art tal-Eġittu. U kienu jiġu l-Eġittu minn kull pajjiż għand Ġużeppi biex jixtru l-qamħ; għax il-ġuħ kien jagħfas fuq kull art.

 

U waslu wlied Iżrael biex jixtru l-qamħ flimkien ma’ oħrajn li kienu ġew ukoll, għax kien hemm il-ġuħ f’art Kangħan. Ġużeppi kien il-gvernatur fuq il-pajjiż; hu li kien ibigħ lin-nies kollha tal-art. U waslu ħut Ġużeppi u nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu. U Ġużeppi ra lil ħutu u għarafhom, iżda ġieb ruħu magħhom ta’ barrani, u kellimhom iebes. U ġabarhom il-ħabs għal tlitt ijiem.

 

U fit-tielet jum Ġużeppi qalilhom: “Agħmlu dan u tgħixu, għax jien nibża’ minn Alla. Jekk intom nies sewwa, wieħed minnkom jibqa’ magħluq fil-ħabs tagħkom, u intom morru ħudu l-qamħ għall-ġuħ f’darkom. U ġibuli ’l ħukom iż-żgħir, imbagħad nemmen kliemkom u ma tmutux”. U hekk għamlu.

 

U bdew jgħidu lil xulxin: “Tassew aħna ħatja kontra ħuna, għax aħna rajna d-diqa ta’ qalbu; u hu u jitlobna l-ħniena ma tajniehx widen. Għalhekk ġie fuqna dan l-għawġ”. U qabeż Ruben u qalilhom: “Ma kontx għedtilkom jiena: la tagħmlux ħsara lit-tifel u intom ma tajtux widen? U issa demmu jrid jitħallas minna”. U huma ma ntebħux li Ġużeppi kien qiegħed jifhimhom, għax bejniethom kien hemm l-interpretu.

 

U hu tbiegħed minnhom u beka.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 32 (33), 2-3.10-11.18-19

 

R/. (22): Ħa tkun, Mulej, it-tieba tiegħek fuqna

 

Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;

għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi.

Għannulu għanja ġdida;

doqqulu bis-sengħa u b’leħen qawwi. R/.

 

Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus,

ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.

Imma l-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem,

minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu. R/.

 

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tieba tiegħu,

Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 1, 15

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Saltna ta’ Alla waslet;

indmu u emmnu fl-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael.

Mt 10, 1-7

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. L-ismijiet tat-tnax-l appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh. Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu