L-Ewwel Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta
Qari I
Kien jixraq li Alla jagħmel li l-Awtur tas-Salvazzjoni jkun perfett bis-saħħa tas-sofferenzi.
Lhud 2, 5-12
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, id-dinja li għandha tiġi, li fuqha qegħdin nitkellmu, Alla ma qegħedhiex taħt is-setgħa tal-anġli. X’imkien fl-Iskrittura hemm xhieda li tgħid hekk: “X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, jew bin il-bniedem biex tieħu ħsiebu? Ftit inqas mill-anġli int għamiltu, bil-glorja u l-ġieħ żejjintu, kollox taħt riġlejh qegħedtlu”.
Issa, meta jgħid li qiegħed kollox taħt is-setgħa tiegħu, dan ifisser li xejn ma ħalla li ma jkunx imqiegħed taħtu. Tassew li għalissa aħna għadna m’aħniex naraw kollox taħt is-setgħa tiegħu. Madankollu, lil dak li għal ftit taż-żmien kien imniżżel ftit inqas mill-anġli, lil Ġesù, aħna issa qegħdin narawh imżejjen fil-glorja u l-ġieħ minħabba fil-mewt li hu bata, biex, għall-grazzja ta’ Alla, il-mewt li daq tkun għall-ġid ta’ kulħadd.
Għax kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal ħafna wlied għall-glorja, jagħmel li l-Awtur tas-Salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-saħħa tas-sofferenzi. Għax kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, lkoll huma mill-istess wieħed. U għalhekk Ġesù ma jistħix isejħilhom ħutu, billi jgħid: “Inxandar ismek lil ħuti, f’nofs il-ġemgħa nfaħħrek”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 8, 2a u 5.6-7.8-9
R/. (ara 7): Qegħedt lil Ibnek fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk!
Mulej, Sid tagħna,
kemm hu kbir ismek fl-art kollha!
X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih,
bin il-bniedem, biex taħseb fih? R/.
Ftit inqas mill-allat għamiltu,
bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,
qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk!
Kollox taħt riġlejh qegħedtlu. R/.
In-nagħaġ u l-baqar kollha,
sal-bhejjem tax-xagħri;
l-għasafar tal-ajru u l-ħut tal-baħar,
dak kollu li jterraq fil-baħar. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara 1 Tess 2, 13
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ilqgħu l-Kelma ta’ Alla mhux bħala kelma ta’ bniedem,
iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġesù beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa.
Mk 1, 21b-28
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga ta’ Kafarnahum u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.
Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: Il-Qaddis ta’ Alla!”. Imma Ġesù kkmandah: “Iskot u oħroġ minnu!”. Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.
U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!”.
U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu