Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...


L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent

Is-Sibt

 

Qari I

Il-Mulej iħenn għalik mal-ħoss tal-għajta tiegħek.

Iż 30, 19-21.23-26

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Poplu ta’ Sijon, int li tgħammar f’Ġerusalemm,

ma tibkix aktar.

Il-Mulej iħenn għalik mal-ħoss tal-għajta tiegħek,

malli jisimgħek jagħtik widen.

Tassew li l-Mulej jagħtik ħobż l-imrar,

u l-ilma tan-niket,

iżda ma jinħebiex iżjed minnek l-Imgħallem tiegħek;

għajnejk jaraw l-Imgħallem tiegħek.

Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek:

“Din hi t-triq; għaddi minnha,

sew jekk tikser lejn il-lemin, sew lejn ix-xellug”.

U hu jibgħat ix-xita fuq il-miżrugħ tiegħek,

u l-qamħ, frott l-art, ikun bnin u mimli.

Dakinhar l-imrieħel tiegħek jirgħu f’wesgħat kbar;

fir-raba’ l-gniedes u l-ħmir tax-xogħol jieklu għalf immellaħ,

imderri bil-midra u mgħoddi mill-għarbiel.

U fuq kull muntanja kbira, fuq kull għolja wieqfa,

ikun hemm xmajjar ta’ ilma f’jum il-ħerba l-kbira,

f’jum it-tiġrif tal-fortizzi.

Id-dawl tal-qamar ikun jiddi bħad-dawl tax-xemx,

u d-dawl tax-xemx jitqawwa seba’ darbiet,

daqs id-dawl ta’ sebat ijiem;

dakinhar il-Mulej idewwi l-ġrieħi tal-poplu tiegħu

u jfejjaq it-tbenġil tas-swat tiegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 146 (147), 1-2.3-4.5-6

 

R/. (Iż 30, 18): Alla ġust hu l-Mulej; henjin dawk li jafdaw fih

 

Faħħru l-Mulej, għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna;

għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.

Jibni ’l Ġerusalemm il-Mulej,

jiġma’ l-imxerrdin ta’ Iżrael. R/.

 

Hu jfejjaq il-qlub maqsuma,

hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.

Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb;

kollha jsejħilhom b’isimhom. R/.

 

Kbir Sidna l-Mulej,

u ta’ qawwa kbira;

bla tarf id-dehen tiegħu.

Jerfa’ l-imsejknin il-Mulej,

u jniżżel sal-art il-ħżiena. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Iż 33, 22

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Mulej il-leġislatur tagħna.

Il-Mulej is-sultan tagħna, hu li jsalvana.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ra n-nies u tħassarhom.

Mt 9, 35 – 10, 1.6-8

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”.

 

Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. U tahom dawn l-ordnijiet: “Morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu