Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Ġona qam biex jaħrab minn quddiem il-Mulej.

Ġona 1,1 – 2, 1.11

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona

 

Il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona bin Amittaj, u qallu: Qum, mur Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ħżunithom telgħet quddiemi”. Imma Ġona qam biex jaħrab lejn Tarsis minn quddiem il-Mulej. Niżel Ġaffa, fejn inzerta ġifen sejjer lejn Tarsis, ħallas il-passaġġ, u telaq fuqu biex imur magħhom f’Tarsis, ’il bogħod mill-Mulej. Iżda l-Mulej bagħat riefnu fuq il-baħar, u qamet taqliba kbira, hekk li l-ġifen kien għoddu nqasam. Il-baħrin twerwru, u kull wieħed minnhom beda jgħajjat lill-alla tiegħu; u waddbu l-baħar il-merkanzija li kien hemm fuq il-ġifen, biex iħaffu minn fuqhom. Iżda Ġona niżel isfel nett tal-ġifen, imtedd u raqad fil-fond.

 

Imbagħad resaq fuqu l-kaptan u qallu: “Int kif int rieqed? Qum, u sejjaħ lil Alla tiegħek! Għandu mnejn Alla jiftakar fina u ma nintilfux”. Imbagħad bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Ejjew nitfgħu x-xorti, ħa nkunu nafu ta’ min hi l-ħtija li waqa’ fuqna dan l-għawġ kollu”. Tefgħu x-xorti, u x-xorti waqgħet fuq Ġona. Imbagħad qalulu: “Issa għidilna: ħtija ta’ min ġie fuqna dan il-għawġ? X’inhu xogħlok? Minn fejn int ġej? Liema hu pajjiżek? U minn liema poplu int?”. Qalilhom: “Jien Għebrew, u nqim lill-Mulej, Alla tas-sema, li għamel il-baħar u l-art”.

 

Dawk l-irġiel beżgħu biża’ kbir, u qalulu: “Dan għax għamiltu?”. Għax billi hu qalilhom kollox, saru jafu li kien ħarab minn quddiem il-Mulej. Imbagħad qalulu: “X’se nagħmlu bik, biex il-baħar jikkwitalna?”. Għax il-baħar baqa’ jżid. Qalilhom: “Aqbduni u ixħtuni l-baħar, u l-baħar jikkwitalkom. Għax naf li din it-tempesta kollha waqgħet fuqkom ħtija tiegħi”.

 

In-nies armaw jaqdfu biex jerġgħu jaqbdu l-art, iżda ma seħħilhomx, għax it-taqlib tal-baħar baqa’ jżid kontrihom. Għalhekk sejħu l-Mulej u qalu: “Jaħasra, Mulej, nitolbuk li ma tħalliniex nintilfu ħtija tal-ħajja ta’ dan il-bniedem, u twaħħalniex ħatja ta’ demm bla ħtija, għax kont int, Mulej, li għamilt kif għoġbok”. U qabdu ’l Ġona u xeħtuh il-baħar, u l-baħar raqqad il-qilla tiegħu. U l-irġiel qabadhom biża’ kbira mill-Mulej, u offrew sagrifiċċji lill-Mulej u għamlu wegħdiet.

 

U l-Mulej qabbad ħuta kbira tibla’ ’l Ġona, u Ġona baqa’ tlitt ijiem u tliet iljieli f’żaqq il-ħuta. U l-Mulej kellem lill-ħuta, u din xeħtet lil Ġona fuq l-art.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Ġona 2, 2.3.4.5.8

 

R/. (7ċ): Mulej, int tellajtli ħajti minn ġol-ħofra

 

Fid-dwejjaq tiegħi lill-Mulej sejjaħt,

u hu weġibni;

mill-ġuf ta’ Art l-Imwiet krabt għall-għajnuna,

u leħni smajtu. R/.

 

Inti tfajtni fil-qiegħ, ġo nofs il-baħar,

u l-wied dar miegħi;

l-imwieġ il-kbar u l-ħalel kollha tiegħek

għaddew minn fuqi. R/.

 

U jiena għedt: “Tgerrixt

minn quddiem wiċċek:

kif nerġa’ nara t-tempju mqaddes tiegħek?”. R/.

 

Meta ġo fija kelli ruħi mħeddla,

jien fil-Mulej ftakart;

u t-talba tiegħi telgħet sa quddiemek,

fit-tempju mqaddes tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 13, 34

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej:

bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-proxxmu tiegħi min hu?

Lq 10, 25-37

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrab lil Ġesù staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”. U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt, agħmel hekk u tgħix”.

 

Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”. Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”. Min ħenn għalih”, wieġbu dak. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu