Stampa t-test tal-qari ...


It-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Sirt kollox ma’ kulħadd, biex insalva lil kulħadd.

1 Kor 9, 16-19.22b-27

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, jekk jiena nxandar l-Evanġelju ma għandix biex niftaħar; jien obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju! Jekk dan nagħmlu minn rajja, ikolli dritt għall-ħlas; imma jekk nagħmlu għax obbligat, dan ifisser li qiegħed nagħmel ix-xogħol li Alla fdali f’idejja. X’inhu mela l-ħlas tiegħi? Li meta nxandar l-Evanġelju, inxandru b’xejn, bla ma nfittex id-dritt li jagħtini l-Evanġelju stess.

 

Għax għad li ma jiena marbut ma’ ħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd biex nirbaħ lil ħafna. Sirt kollox ma’ kulħadd, biex insalva lil kulħadd. Nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju biex ikolli sehem minnu. Ma tafux li l-ġerrejja fl-istadju kollha jiġru, imma l-premju wieħed jirbħu? Iġru, mela, ħalli tirbħuh! Kull atleta jiċċaħħad minn kollox, u dawn biex jirbħu kuruna midbiela, imma aħna, waħda li ma tidbielx. Jien issa hekk niġri, mhux qisni bl-addoċċ; ma nissarax bħallikieku qiegħed nagħti fil-vojt. Iżda ngħakkes bl-aħrax lil ġismi u njassru, biex ma jiġrilix li, wara li nkun ippritkajt lil ħaddieħor, jiena stess insib ruħi kkundannat.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 83 (84), 3.4.5-6.12

 

R/. (2): Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti!

 

Tixxennaq u tinfena ruħi

għat-tempju tal-Mulej;

ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj. R/.

 

Sa l-għasfur isib fejn jgħammar,

u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-altari tiegħek;

hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha,

Mulej tal-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi! R/.

 

Henjin dawk li jgħammru f’darek;

huma jfaħħruk għal dejjem.

Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom,

li għandhom għal qalbhom il-pellegrinaġġ għat-tempju. R/.

 

Għax xemx u tarka l-Mulej Alla,

ħniena u ġieħ hu jagħti lilna.

Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej

lil min jimxi bis-sewwa. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 17, 17b.a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma tiegħek, Mulej, hi l-verità;

qaddisna permezz tal-verità.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor?

Lq 6, 39-42

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: “Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek”, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu