Stampa t-test tal-qari ...


L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Ikun jismek Iżrael, għax int issarajt ma’ Alla u rbaħt.

Ġen 32, 22-32 (Ebrajk 23-33)

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

F’dak iż-żmien, Ġakobb qam billejl u qabad in-nisa tiegħu, u ż-żewġ qaddejja tiegħu, u l-ħdax uliedu, u qasam il-mogħdija tal-Ġabbok. Qabadhom u għaddiehom ix-xmara b’kulma kellu. Imbagħad Ġakobb baqa’ waħdu, u ġie raġel u baqa’ jissara miegħu sa ma beda jisbaħ. U meta ra li ma setax għalih, messlu l-għaksa ta’ koxxtu, u l-għaksa ta’ koxxt Ġakobb tfekket, hu u jissara miegħu. Imbagħad qallu: “Ħallini mmur, għax qiegħed jisbaħ”. U Ġakobb wieġbu: “Ma nħallikx jekk ma tberiknix!” U dan staqsieh: Inti x’jismek?”. “Ġakobb”, wieġbu. U dak qallu: Ma jkunx aktar jismek Ġakobb, iżda Iżrael, għax int issarajt ma’ Alla u mal-bnedmin, u rbaħt!”. Staqsieh Ġakobb u qal: “Għidli x’jismek”. U wieġbu: “Għaliex tistaqsini ismi?”. U bierku hemmhekk. Għalhekk Ġakobb sejjaħ dak il-post Penuwel, għax qal: “Rajt lil Alla wiċċ imb wiċċ, u ħajti ħelsitha”.

 

U x-xemx kienet telgħet meta għadda minn Penuwel, izappap fuq koxxtu. Għalhekk sal-lum ulied Iżrael ma jiklux in-nerv tal-koxxa li hemm fl-għaksa tal-koxxa, għax Alla qabad lil Ġakobb mill-għerq tal-għaksa ta’ koxxtu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 16 (17), 1.2-3.6-7.8b u 15

 

R/. (15a): Jien, fil-ħaqq, għad nara ’l wiċċek Mulej

 

Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,

ilqa’ l-għajta tiegħi,

agħti widen għat-talb tiegħi;

bla qerq huma xufftejja. R/.

 

Mingħandek toħroġ il-ġustizzja għalija,

għajnejk jaraw is-sewwa.

Jekk qalbi tiflili, jekk billejl iżżurni,

jekk inti ġġarrabni, ma ssib ebda qerq fija. R/.

 

Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla;

ressaq widintek lejja, isma’ kliemi.

Uri t-tieba tiegħek tal-għaġeb;

int li teħles mill-għedewwa

lil min jittama fil-leminija tiegħek. R/.

 

Bħal ħabba tal-għajn ħarisni,

għad-dell ta’ ġwenħajk kenninni.

Imma jien, fil-ħaqq, għad nara ’l wiċċek;

meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10,14

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej,

jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit.

Mt 9, 32-38

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, in-nies ġabu quddiem Ġesù wieħed imbikkem maħkum mix-xitan. Ġesù keċċa x-xitan, u l-imbikkem qabad jitkellem. In-nies stagħġbu, u bdew jgħidu: “Ħaġa bħal din qatt ma dehret f’Iżrael!”. Imma l-Fariżej qalu: “Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċi x-xjaten”.

 

Ġesù dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu