Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...


Is-Sibt fuq it-tieni Ħadd wara Għid il-Ħamsin

Il-Qalb bla tebgħa ta’ Marija

Festa

 

Qari I

Is 61:9-11

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Nisel il-poplu tiegħi ikun magħruf fost il-ġnus, u wliedhom qalb il-popli. Kull min jarahom jagħrafhom li huma nisel imbierek mill-Mulej. Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi. Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarus imŻejjen b’kuruna, bħal għarusa tlellex bil-ġahwar tagħha. Bħalma l-art tnibbet l-inbiet, bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih, hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u t-tifħir quddiem kollha kemm huma l-ġnus.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 1

 

R/.: Qalbi tifraħ fil-Mulej, is- Salvatur tiegħi!

 

Qalbi ferħet fil-Mulej;

il-qawwa tiegħi rtefgħet fil-Mulej;

fommi ddieħak bl-għedewwa tiegħi,

għax fraħt bissalvazzjoni tiegħek. R/.

 

Il-qaws tal-qawwijin inkiser,

u d-dgħajfin tħażżmu bil-ħila.

L-imxebbgħin inkrew għall-ħobż,

imma l-imġewħin ma baqgħux jitħabtu.

Il-mara bla tfal wildet sebgħa,

u l-omm ta’ bosta wlied saret dgħajfa. R/.

 

Il-Mulej jibgħat il-mewt u jagħti l-ħajja,

iniżżel f’art l-imwiet u jtella’.

Il-Mulej ifaqqar u jagħni,

ibaxxi kif ukoll igħolli. R/.

 

Iqajjem lill-imsejken mit-trab,

jerfa’ lill-fqir mill-miżbla,

biex iqegħedhom mal-prinċpijiet,

u jiksbu post ta’ ġieħ. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 2:19

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Hienja l-Verġni Marija,

li żammet sewwa f’qalbha l-kelma ta’ Alla

u kienet taħseb fuqha bejnha u bejn ruħha.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Lq 2:41-51

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena, telgħu, kif kienet id-drawwa, għall-Festa. U wara li għaddew dawk il-jiem, huma u sejrin lura, it-tifel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Billi ħasbuh qiegħed ma’ dawk li kienu fit-triq magħhom, baqgħu mexjin jum sħiħ, imbagħad bdew ifittxuh fost qrabathom u n-nies li huma kienu jafu. Iżda billi ma sabuhx, reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.

 

Wara tlitt ijiem sabuh fit-Tempju, bilqiegħda f’nofs il-għorrief, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, stamtu, ommu qaltlu: “Ibni, għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jien konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” U hu qalilhom: “Il-għala kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena jeħtieġli nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” Iżda huma ma fehmuhiex il-kelma li qalilhom. Imbagħad niżel magħhom u reġa’ ġie Nazaret; u kien joqgħod għalihom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu