Stampa t-test tal-qari ...


Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej

Waqt it-Tifkira tad-Daħla tal-Mulej f’Ġerusalemm

 

Evanġelju

Imbierek min ġej f’isem il-Mulej.

Mt 21, 1-11

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

Xħin waslu qrib Ġerusalemm u ġew quddiem Betfaġe lejn l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat żewġ dixxipli u qalilhom: “Aslu sar-raħal biswitkom; u minnufih issibu ħmara marbuta u felu ħdejha; ħolluhom u ġibuhomli. Jekk xi ħadd jgħidilkom xi ħaġa, weġbuh: “Il-Mulej jeħtieġhom, u malajr jerġa’ jibgħathom lura””.

 

Dan ġara biex iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal: Għidu lil bint Sijon: “Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, ġwejjed, riekeb fuq ħmara u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija””.

 

Id-dixxipli marru u għamlu kif ordnalhom Ġesù; ġiebu l-ħmara u l-felu, qiegħdu fuqhom l-imnatar tagħhom, u hu qagħad fuqhom.

 

Għadd kbir ta’ nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq. Il-folol li kienu miexja quddiem u dawk li kienu miexja wara bdew jgħajtu u jgħidu: “Hosanna lil Bin David! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”.

 

Meta mbagħad daħal Ġerusalemm, il-belt kollha tqanqlet u n-nies bdew jgħidu: “Dan min hu?” U l-folol weġbuhom: “Dan hu l-profeta Ġesù minn Nażaret tal-Galilija”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej

Il-Quddiesa

 

Qari I

Ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir.

Is 50, 4-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,

biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.

Ta’ kull filgħodu jqajjimli lil widinti,

biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.

Sidi l-Mulej fetaħli widinti,

u jiena ma webbistx rasi,

ma rġajtx lura.

Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,

ħaddejja lil dawk li kien jnittfuli lħiti;

ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.

Sidi l-Mulej jgħinni,

għalhekk ma nitħawwadx;

għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:

jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 21 (22), 8-9.17-18a.19-20.23-24

 

R/. (2a): Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

Dawk kollha li jarawni jidħku bija,

jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:

F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!

Ħa jsalvah hu, għax bih jitgħaxxaq!”. R/.

 

Qabda klieb daru għalija;

ġemgħa nies ħżiena rassewni.

Taqqbuli idejja u riġlejja;

nista’ ngħodd għadmi kollu. R/.

 

Ħwejġi qasmu bejniethom,

jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

Mulej, la titbegħidx minni;

qawwa tiegħi, fittex għinni! R/.

 

Inxandar ismek lil ħuti;

infaħħrek f’nofs il-ġemgħa.

Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;

sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb!

ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael! R/.

 

Qari II

Kristu ċekken lilu nnifsu; għalhekk Alla għollieh.

Fil 2, 6-11

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ġesù Kristu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir,

sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;

ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet

u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù

– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom,

u kull ilsien jistqarr:

“Ġesù Kristu hu l-Mulej”,

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Fil 2, 8-9

 

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,

u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Mt 26, 14 - 27, 66

 

Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skond San Mattew

 

I

 

K F’dak iż-żmien, wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar u qalilhom:

 

S “Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?”

 

K U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala ħlas. Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom.

 

Fl-ewwel jum tal-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu:

 

S “Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?”

 

K U hu qalilhom:

 

Ġ “Morru l-belt għand it-tali, u għidulu: “Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi”.”

 

K Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla ta’ l-Għid. Għall-ħin ta’ filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, u waqt l-ikel qal:

 

Ġ “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini”.

 

K Huma bdew isewdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom beda jsaqsih:

 

S “Jaqaw jien, Mulej?”

 

K U Ġesù weġibhom:

 

Ġ “Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li se jittradini. Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”.

 

K Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu:

 

S “Jaqaw jien, Rabbi?”

 

K Wieġbu Ġesù:

 

Ġ “Int qiegħed tgħidu”.

 

K Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newlu lid-dixxipli u qal:

 

Ġ “Ħudu, kulu, dan hu ġismi”.

 

K Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, newlilhom il-kalċi u qal:

 

Ġ “Ixorbu lkoll minnu, għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet. Ngħidilkom, li ma nerġax nixrob iżjed minn dan il-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna ta’ Missieri”.

 

K Kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imbagħad Ġesù qalilhom:

 

Ġ “Ilkoll kemm intom se titħawdu minħabba fija f’dan il-lejl; għax hemm miktub: “Nidrob ir-ragħaj, u n-nagħaġ tal-merħla jitferrxu”. Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom”.

 

K Qabeż Pietru u qallu:

 

S “Jekk kulħadd jitħawwad minħabba fik, jiena ma nitħawwad qatt”.

 

K Qallu Ġesù:

 

Ġ “Tassew, ngħidlek, li dal-lejl, qabel ma jidden is-serduk, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”.

 

K Qallu Pietru:

 

S “Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!”.

 

K U d-dixxipli l-oħra wkoll, kulħadd qal l-istess.

 

Imbagħad Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu wasal f’qasam, jgħidulu l-Ġetsemani, u qal lid-dixxipli:

 

Ġ “Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm immur hemmhekk nitlob”.

 

K U ħa miegħu lil Pietru u ż-żewġ ulied ta’ Żebedew, u beda jsewwed qalbu u jiddejjaq.

 

Imbagħad qalilhom:

 

Ġ “Għandi ruħi mnikkta għall-mewt, ibqgħu hawn u ishru miegħi”.

 

K Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet wiċċu fl-art jitlob u jgħid:

 

Ġ “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int”.

 

K Ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin; u qal lil Pietru:

 

Ġ “Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi? Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef”.

 

K Għat-tieni darba raġa’ mar jitlob u qal:

 

Ġ “Missieri, jekk dan il-kalċi ma jistax jgħaddi mingħajr ma nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek”.

 

K Mill-ġdid ġie u sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas. Ħalliehom, u raġa’ mar jitlob għat-tielet darba, u qal l-istess kliem. Imbagħad ġie ħdejn id-dixxipli u qalilhom:

 

Ġ “Issa se torqdu u tistrieħu? Ara, is-siegħa waslet, u Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin. Qumu! Ejjew immorru! Araw, dak li se jittradini huwa fil-qrib!”.

 

K Kif kien għadu jitkellem, ġie Ġuda, wieħed mit-Tnax, b’ġemgħa kbira ta’ nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu. Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal u qalilhom:

 

S “Lil dak li nbus, dak hu: aqbduh”.

 

K U minnufih resaq fuq Ġesù; u qallu:

 

S “Is-sliem għalik, Rabbi!”.

 

K U biesu. U Ġesù qallu:

 

Ġ “Ħabib, għalhekk ġejt int!”.

 

K Huma resqu lejh, meddew idejhom fuq Ġesù u qabduh. Wieħed minn dawk li kienu ma’ Ġesù ħareġ idu u silet is-sejf, darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu.

 

Imbagħad Ġesù qallu:

 

Ġ “Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered. Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta’ anġli? Iżda mbagħad kif isseħħ l-Iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?”

 

K Fl-istess waqt Ġesù qal:

 

Ġ “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u bil-bsaten biex taqbdu lili! Jien kuljum kont inkun bilqiegħda fit-tempju ngħallem, u ma żammejtunix. Iżda dan kollu ġara biex isseħħ il-kitba tal-profeti”.

 

K Imbagħad id-dixxipli kollha telquh u ħarbu. Dawk li qabdu lil Ġesù ħaduh quddiem Kajfa, il-qassis il-kbir, fejn ġa kienu nġabru l-kittieba u x-xjuħ. Pietru kien baqa’ miexi warajh mill-bogħod sal-palazz tal-qassis il-kbir; daħal ġewwa u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja biex jara kif kienet se tintemm il-biċċa.

 

Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollha bdew ifittxu xhieda foloz kontra Ġesù bil-ħsieb li jagħtuh il-mewt, iżda għalkemm resqu bosta xhieda foloz, ma sabux fuqiex jixluh. Fl-aħħar resqu tnejn u qalu:

 

S “Dan qal: “Nista’ nħott it-tempju ta’ Alla u nerġa’ nibnih fi tlitt ijiem”.”

 

K Il-qassis il-kbir qam u qallu:

 

S “Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?”

 

K Imma Ġesù baqa’ sieket. Imbagħad il-qassis il-kbir qabad u qallu:

 

S “Aħlifli fuq Alla l-ħaj u għidilna jekk intix il-Messija, Bin Alla”.

 

K Qallu Ġesù:

 

Ġ “Inti qiegħed tgħidu. U ngħidilkom ukoll: minn issa ’l quddiem għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ dak li jista’ kollox u ġej fuq is-sħab tas-sema”.

 

K Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat ilbiesu u qal:

 

S “Din dagħwa! Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? Ara, smajtuha issa d-dagħwa! X’jidhrilkom?”

 

K Huma weġbuh u qalu:

 

S “Ħaqqu l-mewt”.

 

K Imbagħad beżqulu f’wiċċu u tawh bil-ponn, u xi wħud tawh bil-ħarta u qalulu:

 

S “Aqta’ min tahielek, Messija, din id-daqqa!”.

 

K Intant Pietru kien hemm barra bilqiegħda, fil-bitħa tal-palazz. U resqet fuqu waħda qaddejja u qaltlu:

 

S “Int ukoll kont ma’ Ġesù tal-Galilija!”.

 

K Imma hu ċaħad quddiem kulħadd u qal:

 

S “Anqas naf xi trid tgħid”.

 

K Imbagħad warrab lejn il-bieb, lemħitu qaddejja oħra u qalet lil dawk li kienu hemm:

 

S “Dan kien ma’ Ġesù ta’ Nażaret”.

 

K U raġa’ ċaħad u ħalef:

 

S “Jien ma nafux lil dan il-bniedem!”.

 

K Wara ftit dawk l-istess nies resqu lejn Pietru u qalulu:

 

S “Tassew, inti wkoll wieħed minnhom, għax għandek il-kisra ta’ kliemek tikxfek”.

 

K Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef:

 

S “Le, ma nafux lil dan il-bniedem!”.

 

K U minnufih is-serduk idden. U Pietru ftakar fil-kliem ta’ Ġesù meta qallu: “Qabel ma s-serduk jidden, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”. U ħareġ ’il barra jibki biki ta’ qsim il-qalb.

 

L-għada filgħodu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu ftiehmu lkoll bejniethom biex lil Ġesù jaqtgħuhielu għall-mewt. Rabtuh u ħaduh magħhom biex jagħtuh f’idejn Pilatu, il-gvernatur. Imbagħad Ġuda, it-traditur, meta ra li Ġesù kien ikkundannat, nidem u mar bit-tletin biċċa tal-fidda għand il-qassisin il-kbar u x-xjuħ biex jerġa’ jagħtihomlhom lura; u qalilhom:

 

S “Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija!”.

 

K Iżda huma qalulu:

 

S “Aħna din x’inhi affari tagħna? Dak arah int!”.

 

K Hu waddab il-flus fis-santwarju, telaq u mar tgħallaq.

 

Imbagħad il-qassisin il-kbar ġabru l-flus minn hemm u qalu:

 

S “Dawn ma nistgħux inqegħduhom ma’ l-offerti, għax huma prezz tad-demm”.

 

K Ftiehmu bejniethom, u b’dawk il-flus xtraw “l-Għalqa ta’ Ħaddiem il-Fuħħar,” biex fiha jidfnu l-barranin. Kien għalhekk li dik l-għalqa ssemmiet “l-Għalqa tad-Demm”, u hekk għadha magħrufa sa llum. Imbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija meta qal: “U ħadu t-tletin biċċa tal-fidda, il-prezz ta’ dak li kien stmat bil-prezz mogħti minn ulied Iżrael, u tawhom għall-għalqa ta’ ħaddiem il-fuħħar, kif ikkmandani l-Mulej”.

 

II

 

K Ġesù waqaf quddiem il-gvernatur, u dan staqsieh:

 

S “Int is-sultan tal-Lhud?”

 

K U Ġesù wieġbu:

 

Ġ “Int qiegħed tgħidu”.

 

K Iżda meta l-qassisin il-kbar u x-xjuħ bdew jakkużawh, hu ma wieġeb xejn. Għalhekk Pilatu qallu:

 

S “M’intix tisma’ kemm ħwejjeġ qegħdin jixhdu kontra tiegħek?”

 

K Iżda hu anqas għal akkuża waħda ma wieġeb, hekk li l-gvernatur baqa’ mistagħġeb ħafna.

 

Nhar ta’ festa, il-gvernatur kien soltu jitlaq wieħed ħabsi, lil min iridu huma. Dik il-ħabta kellhom wieħed ħabsi magħruf, jismu Barabba. Mela kif kienu miġbura, Pilatu qalilhom:

 

S “Lil min triduni nitilqilkom, lil Barabba jew lil Ġesù li jgħidulu l-Messija?”

 

K Għax hu kien jaf li kienet l-għira li ġagħlithom jagħtuh lil Ġesù f’idejh. Issa waqt li kien bilqiegħda fuq is-siġġu tat-tribunal, martu bagħtet tgħidlu:

 

S “Qis li ma jkollokx x’taqsam ma’ dan ir-raġel ġust, għax illum minħabba fih batejt ħafna fil-ħolm”.

 

K Iżda l-qassisin il-kbar u x-xjuħ ġiegħlu l-poplu jitolbuh lil Barabba u jeqirdu lil Ġesù. Il-gvernatur, mela, raġa’ staqsiehom:

 

S “Lil min triduni nitilqilkom minnhom it-tnejn?”

 

K Weġbuh ilkoll:

 

S “Lil Barabba”.

 

K Qalilhom Pilatu:

 

S “U x’nagħmel b’Ġesù li jgħidulu l-Messija?”

 

K Weġbuh ilkoll:

 

S “Sallbu!”.

 

K Hu staqsiehom:

 

S “Imma x’għamel ħażin?”

 

K Huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu:

 

S “Sallbu!”.

 

K Meta mbagħad Pilatu ra li kollox kien għal xejn, anzi li aktarx kienet se tinqala’ xi rewwixta, qabad, ħasel idejh fl-ilma quddiem il-poplu u qal:

 

S “Jien m’iniex ħati ta’ dan id-demm: dan arawh intom!”.

 

K U l-poplu kollu qabeż u qal:

 

S “Demmu fuqna u fuq uliedna!”.

 

K Imbagħad telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.

 

Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu lil Ġesù fil-Pretorju, u ġabru quddiemu lil sħabhom kollha. Neżżgħuh, u xeħtulu fuqu mantar aħmar skur; qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk u qasba f’idu l-leminija, inxteħtu għarkubbtejhom quddiemu, u qagħdu jiddieħku bih u jgħidulu:

 

S “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!”.

 

K Beżqu fuqu, u ħadulu l-qasba minn idu u bdew jagħtuh biha fuq rasu. Imbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-mantar u xeddewlu ħwejġu.

 

U ħaduh magħhom biex isallbuh. Huma u sejrin sabu raġel minn Ċireni, jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. Meta waslu f’post jgħidulu Golgota, jiġifieri post il-Qorriegħa, tawh jixrob inbid b’taħlita morra; hu daqu, imma ma riedx jixorbu. Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti, u nxteħtu bilqiegħda u qagħdu hemm

għassa tiegħu. U qegħdulu fuq rasu l-kawża tal-kundanna tiegħu li kienet tgħid hekk: “Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud”.

 

Imbagħad miegħu sallbu żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh, iċaqilqu rashom u jgħidu:

 

S “Int li tħott it-tempju u fi tlitt ijiem terġa’ tibnih, salva lilekinnifsek jekk int l-Iben ta’ Alla, u inżel minn fuq is-salib!”.

 

K Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih mal-kittieba u x-xjuħ u jgħidu:

 

S Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu s-sultan ta’ Iżrael! Ħa jinżel issa minn fuq is-salib u nemmnu fih! Hu jafda f’Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iħobbu! Għax hu qal: “Jiena Bin

Alla!”.

 

K U bl-istess mod bdew imaqdruh ukoll il-ħallelin li kienu msallbin miegħu.

 

Mis-sitt siegħa ’l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U madwar id-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi u qal:

 

Ġ “Elì, Elì, lemà sabaqtàni?”

 

K Jiġifieri: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”

 

Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu:

 

S “Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!”.

 

K U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija bil-ħall, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob, waqt li l-oħrajn qalu:

 

S “Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!”.

 

K Imma Ġesù raġa’ għajjat għajta kbira u radd ruħu.

 

Kulħadd jinżel għarkubbtejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.

 

U ara l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel; l-art theżhżet, il-blat inqasam, u l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta’ qaddisin li kienu mietu, li ħarġu mill-oqbra u wara l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa u dehru lil bosta nies.

 

Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta’ Ġesù, kif raw l-art titheżheż u jiġri dak kollu, imtlew b’biża’ li ma bħalu u qalu:

 

S “Dan kien tassew Bin Alla!”.

 

III

 

K Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija: fosthom kien hemm Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew. Xħin sar fil-għaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta’ Ġesù; mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. Imbagħad Pilatu ordna li jingħatalu. Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif, qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat, gerbeb ġebla kbira fid-daħla tal-qabar, u telaq. Iżda Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm bilqiegħda biswit il-qabar. L-għada, jiġifieri meta għadda Jum it-Tħejjija, il-qassisin il-kbar u l-Fariżej inġabru għand Pilatu u qalulu:

 

S “Sinjur, aħna ftakarna li dan il-bniedem qarrieq, meta kien għadu ħaj, qal: “Wara tlitt ijiem inqum”. Mela ordna li l-qabar ikun imħares tajjeb sat-tielet jum, li ma jmorrux jiġu d-dixxipli

tiegħu jisirquh, u jgħidu lill-poplu: “Qam mill-imwiet”. U hekk il-qerq tal-aħħar ikun agħar minn tal-ewwel!”.

 

K Qalilhom Pilatu:

 

S “Għandkom l-għassa. Morru ħarsuh tajjeb kif tafu”.

 

K U huma marru jissiġillaw il-ġebla biex il-qabar jibqa’ mħares sewwa, u ħallew ukoll l-għassa miegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu