Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Iżrael inqata’ minn dar David.

1 Slaten 11, 29-32; 12, 19

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

Ġara li darba minnhom Ġerobogħam ħareġ minn Ġerusalemm, u fit-triq iltaqa’ miegħu Aħija, il-profeta minn Silo; dan kellu fuqu mantar ġdid, u kienu weħidhom fir-raba’. Imbagħad Aħija qabad ilmantar ġdid li kellu fuqu, u ċarrtu fi tnax-il biċċa. U qal lil Ġerobogħam: “Ħu għaxar biċċiet, għax dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael: “Arani, se naħtaf is-saltna minn idejn Salamun, u lilek nagħtik għaxra mit-tribujiet. Inħallilu tribù wieħed minħabba David, il-qaddej tiegħi, u minħabba Ġerusalemm, il-belt li għażilt minn fost it-tribujiet kollha ta’ Iżrael”.

 

U hekk Iżrael inqata’ minn dar David, u baqgħu mifruda minnha sal-lum.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 80 (81), 10-11ab.12-13.14-15

 

R/. (ara 11a u 9a): Jiena l-Mulej, Alla tiegħek

 

Ma jkollokx alla ieħor f’nofskom,

tinxteħitx quddiem alla barrani.

Jiena l-Mulej, Alla tiegħek,

li tellajtek mill-art tal-Eġittu. R/.

 

Iżda l-poplu tiegħi ma semax minni,

Iżrael ma riedx jaf bija.

Għalhekk tlaqthom għall-ebusija ta’ qalbhom,

biex imxew skont il-fehmiet tagħhom. R/.

 

Jekk il-poplu tiegħi jisma’ minni,

jekk Iżrael jimxi fi triqati,

minnufih inniżżel l-għedewwa tagħhom,

idi ndawwar fuq dawk li huma kontrihom. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Atti 16, 14b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iftħilna qalbna Mulej,

biex nifhmu l-kelma ta’ Ibnek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin.

Mk 7, 31-37

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli. U ġabulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu. Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. Imbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: “Effata” jiġifieri: “Infetaħ!”. U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu u qabad jitkellem sewwa. Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh. U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu