Stampa t-test tal-qari ...


8 ta’ Diċembru

It-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija

Solennità

 

Qari I

Ġen 3: 9-15.20

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.

 

Wara li Adam kiel mis-siġra: Il-Mulej sejjaħlu u qallu: “Fejn int?” U wieġbu: “Għax smajt ħossok fil-ġnien, u billi jien għarwien, bżajt u staħbejt”.

 

U qallu: “Min qallek li int għarwien? Jaqaw kilt mis-siġra li għidtlek ma tikolx minnha?” U wieġeb Adam: “Il-mara li tajtni miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt”. U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X’inhu li għamilt?” U l-mara weġbitu: “Is-serp daħak bija, u kilt”. U l-Mulej Alla qal lis-serp: “Talli għamilt hekk, int tkun l-iżjed misħut fost il-bhejjem kollha u fost l-annimali selvaġġi kollha. Int timxi għal żaqqek u tiekol it-trab għal ħajtek kollha.

 

Innissel mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u bejn nisilha. Hu jgħaffiġlek rasek u inti tgħattanlu għarqubu”. U lil martu Adam semmieha Eva, għax kienet omm il-ħajjin kollha.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 97

 

R/. Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel l-għeġubijiet!

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel l-għeġubijiet.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

 

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fi tjubitu

u fil-fedeltà tiegħu għal dar Israel. R/.

 

Raw it-truf kollha tal-art

is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu. R/.

 

Qari II

Efes 1: 3-6.11-12

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.

 

Ħuti: Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet, fi Kristu. Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba; iddestinana li nkunu għalih ulied addottivi permezz ta’ Ġesù Kristu, skont ma għoġob lir-rieda tiegħu għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha mliena fil-Maħbub tiegħu. 

 

Fih aħna wkoll konna magħżula, iddestinati minn qabel, skont il-pjan imfassal minn qabel minn min imexxi kollox skont il-fehma tar-rieda tiegħu, sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu, aħna li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 1: 28

 

R/. Hallelujah.

Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja,

il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa. 

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Lq 1: 26-38

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.

 

F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimhaNazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sa tnissel fi ħdanek u jkollox iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem”. 

 

Iżda, Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

 

Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek Kristu.