Stampa t-test tal-qari ...


8 ta’ Ottubru

L-Anniversarju tad-Dedikazzjoni tal-Katidral ta’ Malta

Festa

 

Qari I

Slat 8: 22-23. 27-30

 

Qari mill-Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien: Salamun, wieqaf quddiem l-altar tal-Mulej, bil-ġemgħa kollha ta’ Israel quddiemu, fetaħ dirgħajh lejn is-sema u qal: “Mulej, Alla ta’ Israel, ma hemmx Alla ieħor bħalek, la ’l fuq fis-sema u lanqas hawn isfel fl-art, int li żżomm sħaħ il-patt u l-imħabba mal-qaddejja tiegħek li jimxu quddiemek b’qalbhom kollha.

 

Imma tassew li Alla sa jgħammar fuq l-art? Ara, la s-sema u lanqas l-ogħla smewwiet ma jesgħuk, u wisq inqas din id-dar li bnejt jien! Agħti widen għat-talba tal-qaddej tiegħek u għat-tħannin tiegħu, Mulej, Alla tiegħi: ismagħha l-għajta u t-talba li l-qaddej tiegħek qiegħed jagħmel quddiemek illum. Lejl u nhar ħa jkunu għajnejk miftuħa fuq din id-dar, fuq il-post li għalih int għidt, ‘Ismi jkun hemm,’ biex tisma’ t-talba li l-qaddej tiegħek qiegħed jagħmillek f’dan il-post. Isma’, mela, it-talb umli tal-qaddej tiegħek u tal-poplu tiegħek Israel meta jitolbuk f’dan il-post; ismagħha int, minn fejn tgħammar, mis-sema, agħti widen u aħfer.”

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 83

 

R/. Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti!

 

Tixxennaq u tinfena ruħi

għat-tempju tal-Mulej:

ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi

lil Alla l-Ħaj. R/.

 

Sal-għasfur isib fejn jgħammar,

u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-altari tiegħek: 

hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha,

Mulej tal-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi! R/.

 

Henjin dawk li jgħammru f’darek;

huma jfaħħruk għal dejjem.

Ħares, o Alla, tarka tagħna,

ħares lejn is-Sultan, il-Midluk tiegħek. R/.

 

Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek

aħjar minn elf jum f’post ieħor;

aħjar noqgħod fuq il-għatba ta’ dar Alla tiegħi!

Milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena.  R/.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

ara Lq 11: 9-10

 

R/. Hallelujah

Il-Mulej jgħid:

Fid-dar tiegħi min jitlob, jaqla’;

min ifittex, isib;

u min iħabbat jiftħulu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Lq 19:1-10

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien: Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triqat tagħha. Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani.

 

Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba fil-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar jiġri ’l quddiem u tela’ ma’ tina selvaġġa, għax minn dik in-naħa kien sa jgħaddi. Ġesù, kif wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli niġi għandek.” Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. In-nies, meta rawh, ilkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.

 

Imma, Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi sa nagħtih lill-foqra, u jekk jien sraqt xi ħaġa ’l xi ħadd b’rapporti foloz, irroddhielu għal erba’ darbiet iżjed.” Qallu Ġesù: “Illum ’il din id-dar ġietha s-salvazzjoni, għax hu wkoll bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.